Thursday, July 17, 2025

‘Il-futbol jeħtieġ impenn, dixxiplina u paċenzja’ – Kenrick Farrugia

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira ħafna. Għandi lil missieri ffissat fuq il-futbol u ħuti ikbar minni li kienu diġà jilagħbu u jħobbu l-futbol, u għalhekk spiċċajt bdejt inħobb il-logħba bħalhom. 

Bdejt nilgħab mal-klabb ta’ Żejtun Corinthians meta kelli madwar erba’ jew ħames snin, u minn hemm kompliet l-imhabba tiegħi għall-isport.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Zejtun Corinthians FC sa issa.

F’Jannar tal-2023 iddeċidejt li nerġa’ nirritorna ma’ Żejtun Corinthians wara esperjenza ta’ 9 snin ma’ Hibernians F.C. Minn dak il-mument ’l hawn, kelli l-opportunità li nagħmel id-debutt tiegħi mal-kbar fic-Challenge League, esperjenza li kienet ta’ sodisfazzjon kbir għalija. Issa ilni mat-tim tar-raħal twelidi għal dawn l-aħħar tliet staġuni, li kollha kienu ta’ tagħlim u esperjenzi siewja. Kull staġun ġab miegħu mumenti sbieħ, iżda wkoll ċirkostanzi diffiċli bħal dik tar-relegazzjoni. Minkejja kollox, dawn l-esperjenzi għenuni nikber kemm bħala plejer kif ukoll bħala persuna.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

L-istaġun li għadda ma bediex daqshekk tajjeb għat-tim ta’ Zejtun Corinthians FC. Kien żmien diffiċli fejn l-affarijiet ma kinux sejrin kif xtaqna, u mhux faċli għal tim li jkun qed ibati biex jibqa’ magħqud. Madanakollu, grazzi għax-xogħol u l-viżjoni tal-coaches u technical staff, bqajna naħdmu flimkien. Minn Jannar sa l-aħħar, irnexxielna nagħmlu run inkredibbli ta’ 16-il logħba mingħajr telfa. Wara bidu iebes, huwa ta’ sodisfazzjon kbir li temmejna l-istaġun b’mod pożittiv, u li urejna kemm aħna tim b’saħħtu u magħqud.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Bħala livell naħseb li qed jogħla naqa naqra speċjalement fin-National Amateur League. Dan minħabba li qed naraw numru ta’ plejers stabbiliti miċ-Challenge League qegħdin jiffirmaw ma’ klabbs tan-National Amateur League . Dan qed jagħmel il-kompetizzjoni aktar b’saħħitha u bilanċjata f’dawn id-diviżjonijiet.

Minkejja kollox, nemmen li hemm potenzjal kbir fil-futbol Malti – kemm jekk fit-talent żagħżugħ kif ukoll fl-ambizzjoni li qed turi ħafna clubs u coaches lokali.

U tar-riżorsi, bħall-grawnds u l-faċilitajiet fejn tilagħbu?

Hemm ċerti limitazzjonijiet ovvji. Meta nqabblu mal-pajjiżi l-oħra, jidhru ċar id-distakki f’oqsma bħall-kundizzjoni tal-grawnds, il-faċilitajiet għall-fitness, u anke s-servizzi relatati mal-physiotherapy.

Imma nemmen li maż-żmien nibdew naraw faċilitajiet aħjar, simili għal dawk ta’ barra. Bil-ħidma t-tajba u investiment fit-tul, hemm ċans reali li l-infrastruttura tal-futbol f’Malta titjieb, biex b’hekk noħolqu ambjent aktar professjonali kemm għall-plejers kif ukoll għall-klabbs kollha.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Nixtieq inkompli nikber u nħalli impatt pożittiv fil-klabb jew klabbs li nkun parti minnhom. Dejjem inħares lejn kif nista’ ntejjeb lili nnifsi – mhux biss bħala plejer, imma wkoll bħala persuna, Il-mira tiegħi hi li nibqa’ naħdem b’dedikazzjoni, nitgħallem minn kull esperjenza, u nagħti l-aqwa tiegħi dejjem – kemm għall-benefiċċju tiegħi personali kif ukoll għal dak tat-tim li nkun qed nirrappreżenta.

X’messaġġ finali tixtieq tgħaddi lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol?

Il-messaġġ tiegħi hu li l-futbol jeħtieġ impenn, dixxiplina u paċenzja. Trid tkun lesta taħdem kuljum, anke fiż-żminijiet diffiċli meta l-affarijiet ma jkunux sejrin kif tixtieq. Huwa essenzjali li temmen fik innifsek, tibqa’ umli, u tibqa’ titgħallem kontinwament minn dawk ta’ madwarek. Hekk biss tista’ tkompli tikber u tersaq eqreb lejn il-miri tiegħek fil-futbol!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport