Tuesday, September 16, 2025

‘Il-futbol jirrikjedi ħafna ħin u impenn, u jekk ma tkunx lest li tagħmel is-sagrifiċċji li hemm bżonn, impossibli li tagħmilha f’livell għoli’ – Andrew Zammit

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Niftakarni kien għad kelli seba’ snin, nara l-logħba bejn Spanja u l-Italja fil-Kampjonati Ewropej tal-2008 fl-Awstrija u L-Iżvizzera, li kienet spiċċat 0-0 u Spanja rebħu wara l-għoti tal-penalties bl-iskor ta’ 4-2 bil-goalkeeper Iker Casillas ikun l-eroj tat-tim nazzjonali Spanjol b’żewġ saves kruċjali fuq il-penalties ta’ Daniele De Rossi u Antonio Di Natale. Kont impressjonat immens bl-abbiltá tal-goalkeeper Spanjol, u minn dak iż-żmien, bdejt insegwi t-tim Spanjol u aktar ‘il quddiem, il-klabb ta’ Real Madrid li miegħu kien jilgħab l-istess Casillas, aktar mill-qrib. Tista tgħid li l-aktar tliet plejers favoriti tiegħi dak iż-żmien kienu saru  Iker Casillas, Sergio Ramos u Cristiano Ronaldo, allura l-għażla naturali tiegħi kienet li nibda nżomm mar-Real Madrid, minkejja d-dominanza ta’ Barcelona taħt Pep Guradiola.

Niftakar il-famużi “El Clasicos” fiż-żmien meta Real Madrid kienu mmexxija minn Jose Mourinho u Barcelona minn Guradiola, kienu jkunu kkontestati u ppassjonati ħafna, li komplew iżidu l-imħabba tiegħi lejn il-futbol, u anke ninteressa ruħi aktar fir-rwol tal-kowċis. Ftit snin wara kont bdejt nilgħab il-futbol ma’ Naxxar Lions, fejn nista’ ngħid li kelli kowċis li tgħallimt ħafna mingħandom, u avolja llum m’ għadnix nilgħab, għadni nżomm f’moħħi ħafna minn dak li għallmuni dawn il-kowċis u nutilizzah biex ngħallem lill-plejers li nikkowċja llum.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Kowċ ral-U12s u U13s ta’ Rabat Ajax FC.

Dan l-istagun huwa t-tielet wieħed tiegħi nikkowċja din il-kategorija fi ħdan in-nursery ta’ Rabat Ajax FC. Fil-bidu, kien il-kowċ Jonathan Bilocca li llum il-ġurnata nqisu bħala l-”mentor” tiegħi, li emmen fija u fdani bir-rwol ta’ assistant coach fl-ewwel staġun tiegħi u riedni niffukalu fuq l-iżvilupp ta’ sett ta’ plejers partikolari fit-tim. Attwalment, qed immexxi din il-kateogrija ta’ U12/13 mar-Rabat bl-assistenza tal-kowċis Mauro Vassallo u Jan Fenech, b’dan tal-aħħar huwa wkoll plejer promettenti ħafna tal-U17 tan-Nursery tar-Rabat.

Huwa rwol li jirrikjedi ħafna ħin u dedikazzjoni … mhuwiex sempliċiment tliet sessjonijiet ta’ taħriġ fil-ġimgħa u lest, imma trid taħseb u tippjana ħafna, issegwi mil-qrib u fid-dettall l-iżvilupp tal-plejers kollha, u tara li dak li qed taħdem fuqu fis-sessjonijiet ta’ taħriġ ikun qed jiġi implimentat mill-plejers waqt il-logħob, biex ikollok stampa aktar ċara ta’ x’ qed jitgħallmu l-plejers. L-iżvilupp tal-plejers mhux biss dak sportiv, imma dak personali wkoll, għax fl-aħħar mill-aħħar naf li jien apparti li nikkowċja l-futbol, għandi rwol ta’ edukatur li rrid nieħu ħsieb il-formazzjoni ta’ dawn it-tfal, li huma l-adulti ta’ għada. Għalhekk, inħossni responsabbli li noħloq ambjent li jinkoraġġixxi t-tkabbir personali ta’ dawn il-plejers u li jitilgħu b’ mentalitá rebbieħa.

Meta nitkellmu fuq mentalitá rebbieħa f’ dan il-livell, mhux qed ngħidu li rridu nirbħu l-logħob li jkollna akkost ta’ kollox, imma li t-tfal jitilgħu b’mentalitá għatxana biex ikomplu jiżviluppaw it-talenti tagħhom, dejjem lesti biex jitgħallmu aktar u jkunu responsabbli ta’ dak li jagħmlu u d-destin tagħhom. Jekk ma tkunx dedikat u lest li tagħmel diversi sagrifiċċji, hija difficli ħafna li tagħmel biċċa xogħol tajba fl-iżvilupp tal-plejers.

Huwa fatt maghruf li t-tim tal-kbar ta’ Rabat Ajax FC qed jutilizza numru ta’ plejers prodotti tan-Nursery. X’taħseb li huwa s sigriet rigward dan is-suċċess?

In-Nursery tar-Rabat dejjem kienet magħrufa li tipproduci plejers tajbin, infatti Carmel Busuttil, li nqisuh bħala l-aqwa plejer Malti li qatt eżista, huwa prodott ta’ din l-istess nursery. Bħalissa it-tim tal-kbar ukoll qed jutilizza diversi plejers biex jikkompeti fit-National Amateur League. Nemmen li l-kowċ tat-tim tal-kbar, Matthew Genuis, għandu viżjoni fit-tul biex aktar ‘il quddiem jiġu promossi aktar plejers żgħażaħh li qed jippromettu fit-tim.

Biex tilħaq dan l-għan m’ hemmx wisq sigrieti … irid ikollok nursery li tiffoka fuq l-iżvilupp tal-plejers, aktar milli fuq ir-rebħ ta’ logħob u kampjonati tal-kategoriji tal-Youths. Minkejja li r-rebħ huwa sabiħ, fil-livell tal-Youths, ma jistax jiġi prioritizzat qabel l-iżvilupp tal-plejers, speċjalment f’etajiet żgħar minn U13 ‘l isfel, fejn il-plejers ma jilgħabux logħob kompetittiv. Fit-tim tal-kbar, irid ikollok kowċ li verament ikun jemmen fit-talent taż-żgħażagħ, li jkun kapaċi jintegrahom fit-tim u jgħinhom jagħmlu t-transizzjoni minn plejers tal-youths għall-plejers tal-kbar.

Kif tqis illivell talgrassroots fpajjiżna?

Illum il-ġurnata hawn ħafna aktar għarfien u riżorsi milli kien hawn snin ilu. Il-kowċis li jaħdmu fil-qasam tal-grassroots jiġu pprovduti bl-aħjar tagħlim permezz ta’ diversi korsijiet offruti mill-MFA u anke minn diversi akkademji barranin. Hawn aktar nursersies li huma organzzati b’mod professjonali u mmexxija minn kowċis ta’ livell għoli u li qed itellgħu plejers tajbin biex anke jilaghħbu f’kampjonati ta’ livelli ogħla minn dak Malti barra minn xtutna.

Peró, bħalma wieħed jista’ jara, fadlilna ħafna xogħol x’ nagħmlu. Irridu niffukaw aktar bis-sħiħ fuq l-iżvilupp tal-plejers, naraw li jipperfezzjonaw dawk li nsejħulhom il-”Basic Skills” biex wieħed ikun jista jilgħab il-futbol f’livelli għoljin, filwaqt li ninkoraġġuhom bis-sħiħ biex ikunu aktar kreattivi u jaħsbu f’soluzzjonijiet malajr għal diversi sitwazzjonijiet waqt il-logħob. L-akbar problema li nara fil-futbol Malti inġenerali hi li m’għandniex biżżejjed plejers kreattivi min-nofs il-grawnd ‘il fuq li huma kapaċi jagħmlu d-differenza f’ sitwazzjonjiet diffiċli, jilagħbu f’livelli għoljin.

Nemmen li hawn plejers ta’ talent, peró m’aħniex nisfruttaw t-talent tagħhom biżżejjed. Sfortunatament, din mhix problema f’Malta biss imma anke qed jesperjenzawha fl-Italja wkoll, hekk kif plejers bħalma kienu Baggio, Del Piero u Totti fost l-oħrajn, tista’ tgħid li m’għadhomx jeżistu fil-futbol Taljan.

Fit-tim nazzjonali Malti, għandna plejers bħal Teddy Teuma u Ilyas Chouaref, li nistgħu nqisuhom plejers kreattivi ħafna għal-livell tagħna. Peró, irridu nżommu f’moħħna li dawn ġew trenjati u prodotti barra minn Malta, mhux minn nurseries lokali, allura nemmen li rridu naħdmu ħafna aktar bħala nurseries biex intellgħu plejers ta’ profili simili għat-tim nazzjonali Malti li jkunu tajbin daqshom u aħjar minnhom aktar ‘il quddiem.

U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Inkompli ma’ dak li għadni kemm sħaqt fuqu … baqagħlna x’naqdfu. Irridu noħolqu wkoll kultura li tinkoraġġixxi lill-plejers promettenti Maltin biex jibqgħu jiffukaw fuq il-futbol b’mod professjonali minn U17 ‘il fuq. Sfortunatament, jintilfu ħafna plejers tajbin minn dik l-etá ‘l quddiem minħabba li jkunu jridu jiffukaw fuq l-iskola f’livelli post-sekondarji u terzjarji u fuq il-karriera tagħhom, allura l-importanza tal-futbol tonqos ħafna u l-plejers jispiċċaw jew jieqfu kompletament jew inkella jilagħbu f’ livelli aktar baxxi minħabba li jkunu jirrikjedu inqas impenn. Bl-influss ta’ aktar plejers barranin jilagħbu fil-Malta Premier, plejers Maltin qed isibuha aktar diffiċli u jaqtgħu qalbom li jilagħbu f’dan il-livell.

Nemmen li rridu nsibu aktar bilanċ f’dan l-aspett. Ma rridux naqtgħu totalment il-plejers barranin milli jilagħbu f’pajjiżna, għax nemmen li wħud minnhom huma ta’ livell għoli u l-plejers Maltin jistgħu jitgħallmu ħafna minnhom, u min ikun l-aħjar jilgħab. Issa li anke għandna t-tim ta’ Hamrun Spartans FC li laħaq it-tragward tiegħu li jikkwalifika għall-kompetizzjoni Ewropea u ċert li hawn klabbs ohra li jixtiequ wkoll jilħqu dan it-trgaward fis-snin li ġejjin, ovvjament ikunu jridu jarmaw bi plejers barranin ta’ livell għoli, flimkien ma’ dawk Maltin biex ikunu jistgħu jikkompetu. Ir-responsabbiltá qiegħda f idejna l-kowċis tal-grassroots biex intejbu l-livell tal-plejers Maltin u naraw li ntellgħu plejers Maltin aħjar mill-barranin … irridu nagħtuhom aktar “sfidi” biex ikunu lesti jaffaċċjaw l-isfidi fil-futbol fil-futur.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Ovvjament, dejjem għandna xi ntejbu. Il-Klabb tagħna għandu x-xorti li għandu l-grawnd tiegħu, peró hawn diversi klabbs li jikkompetu fil-Malta Premier li sfortunatament, m’għandhomx din il-faċilitá. Baqa’ ħafna xogħol xi jsir, hawn diversi klabbs li qegħdin jisfruttaw l-opportunitá u jutilizzaw l-faċilitajiet tagħhom anke għall-attivitajiet li jmorru lil hinn mill-futbol, fosthom għall-isport tal-padel u gyms u bis-saħħa t’hekk qed jiġġeneraw sors ta’ dħul finanzjarju akbar li jistgħu jinvestuh fil-klabb u sewwa jagħmlu, diment li dan ma jsirx akkost li t-tfal tagħna ma jkollhomx biżżejjed spazju fejn jilagħbu u jittrenjaw il-futbol.

Ovvjament, min m’għandux il-faċilitajiet tiegħu, ma jistax jisfrutta opportunitá bħal din u qed ikollu jiddependi minn sorsi ta’ dħul oħrajn, apparti li jkollhom iħallsu l-kera biex jikru grawnds ta’ klabbs oħra, li tkompli żżid il-piż finanzjarju.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Għadni żgħir u minkejja li evolvejt ħafna bħala kowċ minn mindu bdejt sal-lum, baqagħli ħafna x’ nitgħallem, u għalhekk irrid nieħu kollox pass pass u nżomm saqajja mal-art. Ovvjament, għandi diversi objettivi li nixtieq nilħaq, peró, għalissa rrid nibqa’ ffukat fuq il-preżent u li nkompli ntejjeb ix-xogħol tiegħi fil-qasam tal-grassroots, qabel ma naħseb fuq it-tragwardi tal-ġejjieni.

Bħalissa, qed nagħmel il-kors tal-UEFA C li tista’ tgħid huwa l-bidu ta’ ħafna korsijiet li toffri l-MFA biex teduka lill-kowċis. Huwa importanti ħafna bħala kowċ li tibqa’ tfittex li titgħallem u tinvesti fik innifsek għax qatt ma taf biżżejjed u li żżomm ruħek aġġornat għax l-isport dejjem qed jevolvi.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-futbol jirrikjedi ħafna ħin u impenn, u jekk ma tkunx lest li tagħmel is-sagrifiċċji li hemm bżonn, impossibli li tagħmilha f’livell għoli. Trid tkun lest li taffaċċja l-isfidi li jiġu quddiemek u tegħlibom, anke meta mhux dejjem ikun jidher possibbli u tibda taqta’ qalbek.

Ovvjament, mhux faċli għax hawn ħafna affarijiet li jistgħu jxekklu lil dak li jkun milli jiddedika ħinu għal dan l-isport. Wieħed irid joqgħod attent ukoll li jsib bilanċ tajjeb biex flimkien mal-futbol, jibqa’ jiddedika il-ħin neċessarju lejn il-familja, relazzjonijiet personali u ħbieb, li fl-aħħar mill-aħħar huma aspetti importanti immens fil-ħajja tagħna, u ħafna mid-drabi tkun sfida kbira biex wieħed jirnexxielu jibbilanċja sew bejn dawn l-affarijiet kollha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport