Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira ħafna. Minn dejjem kont attirat lejn il- logħba, kemm meta kont naraha fuq it-televiżjoni kif ukoll bdejt nilgħab ma’ Ħamrun Spartans ta’ 5 snin. Minn dakinhar, il-futbol baqa parti essenzjali minn ħajti. Kull sezzjoni ta’ taħriġ u kull logħba kienet tagħmilni nħobb aktar din il-logħba, u matul is-snin, din il-passjoni kompliet tikber. Il-futbol għalija mhuwiex biss sport, imma stil ta’ ħajja li jgħallmek dixxiplina, tkun f’tim u perseveranza.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek bħala plejer u Chairman ta’ Ħamrun Amateurs.
Din il-ħolma bdiet ma’ ħija Kurt Buhagiar, fejn flimkien xtaqna noħolqu tim li jkun kemm jista’ jkun ‘professjonali’, minkejja l-limitazzjonijiet tagħna. Minn dejjem emminna li anke f’ambjent dilettantesk, tista’ toħloq struttura soda, ibbażata fuq id-dixxiplina, l-organizzazzjoni u l- passjoni għall-futbol. Illum il-ġurnata, barra li nkun fil-grawnd bħala plejer, inkun ukoll wara l- kwinti bħala Chairman ta’ Ħamrun Amateurs. Dan ir-rwol huwa wieħed sodisfaċenti imma fl- istess ħin jġib miegħu ħafna responsabbiltà. Mit-tmexxija amminstrattiva u s-sostenibbiltà finanzjarja tal-klabb, sal-ħidma mal-plejers, l-istaff tekniku u kommunikazzjoni mal- Assoċjazzjoni. Il-passjoni tiegħi tibqa’ l-istess, kemm jekk fuq il-pitch jew jekk fl-uffiċċju.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol fil-MAFA?
Il-futbol tal-Malta Amateur Football Association (MAFA) żviluppa ħafna matul is-snin. Filwaqt li baqa’ ambjent għal min irid jilgħab għal gost, l-organizzazzjoni tal-kampjonat u l-livell tal- kompetizzjoni żdiedu b’mod sinifikanti.
U rigward ir-riżorsi u l-faċilitajiet fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?
Grazzi għall-kollaborazzjoni ma’ Ħamrun Spartans, għandna l-opportunità li nużaw il-Grawnd tal-Victor Tedesco. Dan huwa vantaġġ kbir għalina, peress li dan huwa grawnd b’faċilitajiet tajbin li jippermettulna norganizzaw taħriġ f’ambjent professjonali. Għall-logħob kompetittiv fil-kampjonati tal-MAFA, nużaw il-Grawnd ta’ Marsaxlokk u il-Grawnd ta’ Ħal-Qormi.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Il-futbol jibqa’ parti essenzjali minn ħajti, kemm fuq il-livell ta’ plejer kif ukoll f’tmexxija u l- iżvilupp tal-klabb. L-għan tiegħi hu li nkompli naħdem biex FC Ħamrun Amateurs jissaħħaħ, u fl-istess ħin inkompli nieħu sehem f’inizjattivi li jistgħu jagħmlu l-futbol Malti aktar strutturat u professjonali.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-futbol ma jirnexxix biss fuq it-talent, imma fuq ix-xogħol iebes, id-dixxiplina u d-dedikazzjoni. Jekk verament trid tagħmel karriera fil-futbol, trid tkun lest li taħdem kuljum biex titjieb u tagħti l-aħjar verżjoni tiegħek innifsek. Tħallix l-isfidi jew il-fallimenti jkissruk, imma użahom bħala motivazzjoni biex tersaq eqreb lejn il-miri tiegħek. Aktar minn hekk, il-futbol huwa dwar l-imħabba u r-rispett lejn il-logħba – dejjem ħares lejn l-interess tat-tim u ħu gost f’dak li tagħmel.