Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Meta kont żgħir konna nkunu l-bandli jew l-iskola nilagħbu b’xi ballun. Niftakar fuq it-televixin meta kien ikun hemm xi logħba kont nintefa’ naraha u ħadd ma kien iċaqlaqni. Meta kelli seba’ snin ħija daħal jilgħab il-futbol u ddeċidejt li nidħol nipprova. Ħadt pjaċir u bqajt dejjem inħobb il-futbol.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala Lead Coach tal-U17s ta’ Pietá Hotspurs FC.
Pietá H. huwa klabb li kbirt fih kemm bħala plejer u anke bħala kowċ għal diversi snin li fihom kelli ħafna memorji sbieħ. Dis-sena hija esperjenza differenti fejn qiegħed nikkowċja it-tim tal-U17. Huwa klabb li jgħinek tikber kemm bil- mentoring ta’ kowċis ta’ livell, kif ukoll plejers li jsaqsu u jħabbtu l-ideat tagħhom ma’ tiegħek. B’dal-mod trid tkun preparat bl-aħjar mod possibli u dejjem titgħallem mill-esperjenzi biex tikber.
Bħala tim tekniku nemmen li qegħdin tim b’saħħtu li nħabbtu l-opinjonijiet u nikkritikaw b’mod kostruttiv għall-ġid tat-tim. Apparti minn hekk qegħdin tim li ngħinu lil xulxin mhux biss fuq il-pitch imma anke barra minnu.
Huwa fatt maghruf li t tim tal kbar ta’ Pietá Hotspurs FC FC qed jutilizza bosta plejers prodotti tan nursery taghkom. X inhu s sigriet ta’ dan is success?
Is-sigriet ta’ dan hu wieħed sempliċi peró twil ta’ ħafna twemmin fl-iżvilupp tal-plejers. Biex plejer jasal mat-tim tal-kbar irid ikollok struttura u kulturá miż-żgħar sal-kbar li kulħadd ikun jaqbel magħha. F’din il-kulturá taf li l-importanza tan- nursery hija kbira u l-għan aħħari huwa li l-plejers iħabbtu l-bieb tat-tim tal-kbar. Min-naħa l-oħra jafu li l-filosofija tat-tim tal-kbar hija l-istess bħal dik tan-nursery li ċ-ċans se jagħtuh lit-talent li jkun tiela’ mhux issib ħajt li impossibli jkissru.
Apparti minn hekk kowċis ta’ livell huwa importanti biex jgħinu lit-tfal jikbru u jiżviluppaw it-talent tagħhom.
L-aħħar ħaġa li jkollok tim kompetittiv hija importanti ħafna għax iġġiegħel lil kull plejer jagħti dejjem il-mija fil-mija u joħroġ mill-‘comfort zone’ tiegħu. B’hekk biss il-plejers jistgħu jikbru u jagħmluha ma’ tim tal-kbar.
Nemmen li b’dawn it-tliet elementi ta’ plejers u kowċis ta’ livell li jimxu mal-filosofija tal-klabb u l-istruttura minn fuq s’isfel bi pjan wieħed huwa s-sigriet li tara t-tfal dejjem telgħin.
Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?
Huwa wieħed tajjeb meta tqis il-limitazzjonijit kollha li hemm fil-pajjiż.
U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Il-futbol Malti huwa dinamiku u dejjem qed jinbidel. Nemmen li llum permezz tat- teknoloġija hemm ħafna aktar dettall kemm fuq livell individwali (eż. gps) u anke globali (bħal analiżi tal-logħba) li qabel ma kienx hemm daqshekk jew kien aktar diffiċli. Tattikament kompla jiżviluppa b’formazzjonijiet differenti skont il-mumenti tal-logħba.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn il-plejers tagħna jitħarrġu u jilagħbu l-logħob kompetittiv tagħhom?
Nemmen li l-affarijiet tjiebu milli kienu (pereżempju mxejna minn grawnds taż-żrar għal-dawk bit-turf) peró għadna ħafna ‘l bogħod. Għall-ammont ta’ timijiet li hawn hawn Malta, hawn nuqqas ta’ pitches jew spazji biex titħarreġ bl-aħjar mod possibli u tilgħab. Apparti minn hekk trid ħafna finanzi biex iżżomm il-grawnd u l-faċilitajiet f’livell tajjeb li tnaqqas kemm jista’ jkun l-injuries u jgħolli l-livell tat- taħrig u l-logħob.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Ovvjament il-mira tiegħi hi li nikber bħala kowċ u dejjem nitgħallem biex inkun nista’ nifhem aktar il-logħba u ngħin lill-plejers li nkun qiegħed magħhom. Ma nistax ngħid nixtieq nikowċja dik l-etá jew l-oħra … inħobb nitla’ tarġa tarġa u ngħix fil-preżent. Skont l-opportunitajiet li jinqalgħu, niddeċiedi minn hemm.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-futbol mhuwiex biss dawk is-siegħa u nofs ta’ taħriġ. Huwa stil ta’ ħajja li tibda mill-ikel li tiekol, l-aspett mentali, u t-taħriġ li tagħmel. Dixxiplina f’kollox hija importanti. Apparti minn hekk jekk ma tkunux lesti toħorġu mill-‘comfort zone’ tagħkom u tisfidaw lilkom infuskom, qatt ma tistgħu tikbru. Emmnu li s-sema hija l-limitu peró kunu lesti li tkunu maturi, ixxammru l-kmiem u taħdmu. B’hekk biss tistgħu taslu!