Tuesday, July 22, 2025

‘Il-futbol mhuwiex sport faċli … jiġi b’sett ta’ sfidi tiegħu u b’ħafna dedikazzjoni’ – Andrew Sant

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn età żgħira, trabbejt f’ambjent ta’ futbol fejn il-familja kollha tiegħi kienu segwaċi ta’ timijiet differenti. Jien grat ħafna li l-ġenituri tiegħi ddeċidew li jeħduni għand Melita FC sabiex nibda l-karriera tiegħi fil-futbol, fejn żviluppajt imħabba kbira lejn il-logħba. Kienet ukoll l-opportunità biex niltaqa’ ma’ kowċis u plejers, li sal-lum il-ġurnata għadna ħbieb. Melita FC hija klabb uniku u dejjem se jibqa’ klabb li għandi rispett kbir lejh!

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Pembroke Athleta FC, hekk kif proprju fil-jiem li għaddew għadek kemm ġeddidt il-kuntratt ma’ dan il-klabb b’żewġ snin oħra.
Ingħaqadt ma’ Pembroke Athleta sentejn ilu, u nista’ ngħid li kienu żewġ staġuni diffiċli b’mod differenti. F’kull staġun konna f’sitwazzjonijiet diffiċli fejn kellna nahdmu hafna biex inżommu postna f’din id-diviżjoni! Minkejja l-isfidi, huwa ta’ sodisfazzjon kbir li l-klabb irnexxielu jagħmel sforz kollettiv u għal żewġ staġuni konsekuttivi żammejna postna fin-National Amateur League 1 fl-aħħar ġurnata tal-istaġun! Jien grat ħafna li l-klabb urieni fiduċja għall-istaġun li ġej u issa qed nħarsu lejn il-futur b’ottimiżmu kbir!

X’tikkummenta fuq l-andament ta’ Pembroke Athleta FC matul l-istaġun li għadda fin-National Amateur League 1?
L-istaġun li għadda, kif semmejt qabel, kien wieħed diffiċli ħafna. Wara li rbaħna l-ewwel logħba tal-istaġun, daħal perjodu negattiv ta’ riżultati fejn bdejna nitilfu l-fiduċja fil-logħob tagħna – fattur importanti li affettwa l-forma tagħna. Għalkemm kellna xi injuries f’plejers kruċjali, ippruvajna nżommu atmosfera tajba fil-grupp u bqajna nemmnu li nistgħu ndawru s-sitwazzjoni. Fit-tieni rawnd, bdejna niġbru xi punti importanti u dan tana l-fiduċja li stajna nibqgħu fil-kampjonat. Fortunatament, kulħadd ta l-aqwa tiegħu u b’hekk irnexxielna nsalvaw fl-aħħar logħba tal-istaġun!

Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
Nittamaw li l-istaġun li ġej ikun ħafna aħjar minn dawk ta’ qabel. Madanakollu, wieħed irid jirrikonoxxi li din id-diviżjoni qed issir aktar diffiċli kull staġun, kemm fil-livell tal-plejers kif ukoll fil-baġits ta’ ċerti timijiet fid-divizjoni tagħna. Madankollu, għal Pembroke, il-kumitat, it-Team Manager u l-istaff tekniku kellhom sajf impenjattiv sabiex jibnu mill-ġdid l-iskwadra u jagħmluha aktar kompetittiva.

X’tikkummenta fuq il-kowċ Jeffrey Mifsud?
Il-kowċ Jeffrey Mifsud huwa kowċ dedikat u ħabrieki ħafna. Matul dawn iż-żewġ staġuni dejjem ta 100% tiegħu lit-tim u kellu rwol kruċjali biex salvajna f’din id-diviżjoni, fejn nemmen li jistħoqqilna nkunu. Huwa kowċ li jħobb jippjana minn qabel u jadatta skont il-logħba. Dejjem hemm biex jgħina u li jara li ahna lesti għall-isfidi li nistgħu niltaqgħu magħhom, dejjem bil-ġid tat-tim bħala l-prijorità ewlenija – kif għandu jkun.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
Nafu li dan l-istaġun se jkun wieħed diffiċli, imma se nagħtu l-aħjar tagħna f’kull logħba biex inġibu l-aktar punti possibbli. L-għan hu li nżommu postna fin-National Amateur League 1 mill-aktar fis possibbli u nieħdu l-affarijiet loghba loghba. Se nibdew il-pre-season fil-jiem li ġejjin, u b’entużjażmu kbir se nagħmlu l-almu tagħna biex naħdmu u nagħtu kemm nistgħu. L-għan hu li noħolqu u nibnu atmosfera pożittiva sabiex inkunu f’pożizzjoni soda meta jibdew il-logħbiet kompetittivi

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Personalment, qed inħares lejn kollox staġun b’staġun u niżgura li nkun f’pożizzjoni li ngħin lit-tim tiegħi bl-aħjar mod possibbli. Għalkemm nemmen li l-istaġun li għadda stajt nagħti iktar, jien kuntent li għamilt parti biex inżommu lil Pembroke fin-National Amateur League 1!

Nispera li dan l-istaġun ikun ħafna aħjar għalija, hekk kif irrid nerġa’ nsib l-aħjar forma tiegħi u, kif għedt qabel, ngħin lit-tim kemm fuq il-grawnd kif ukoll barra minnu. Barra minn hekk, se nkompli naħdem bis-sħiħ u nimbotta lili nnifsi sabiex ngħin lit-tim jilħaq l-objettivi tiegħu!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-futbol mhuwiex sport faċli … jiġi b’sett ta’ sfidi tiegħu u b’ħafna dedikazzjoni. Madankollu, minbarra l-gost tal-logħba, jagħtik ukoll l-opportunità li tibni valuri importanti u ħbiberiji li jdumu għal ħajtek kollha. Għalhekk hu importanti li dejjem tipprova tħares lejn kollox b’mod pożittiv, u anke meta ż-żminijiet ikunu diffiċli, tkompli timbotta lilek innifsek sal-limiti tiegħek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport