Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn etá żgħira ħafna. Familti kollha akkaniti ħafna tal-futbol kemm Malti u kif ukoll dak barrani. Id-dar il-ħin kollu naraw il-futbol u allura kienet faċli ħafna għalija biex insir inħobb il-futbol. Bdejt nilgħab il-futbol mill- etá żgħira ta’ erba’ snin u komplejt sa ma kelli 21 sena.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Kowċ tal-U8s u l-U11s fi ħdan l Akkademja ta’ Pietà Hotspurs FC, waqt li int ukoll parti mill-iscouting team tal-istess Akkademja.
Din is-sena ħa nkun qed nifforma parti mill-coaching stuff tal-Under 8s u l-Under 11s. Qabel, diġá kelli esperjenzi oħra ta’ kowċing ma’ klabb ieħor f’Malta fejn tgħallimt ħafna, peró, din is-sena ddeċidejt li ningħaqad mal-klabb ta’ Pietá Hotspurs FC.
Hija sfida sabiha … in-nursery tal-Pietá kulħadd jaf x’issarraf hawn Malta. Ir-rwol tiegħi f’dawn iż-żewġ gruppi ta’ etá flimkien mal-kowċis l-oħra li hemm miegħi hu li kemm jista’ jkun, it-tfal jitgħallmu kemm jifilħu ħalli għada pitgħada jsiru plejers ta’ livell għoli f’pajjiżna jew inkella saħansitra barra minn xtutna.
Scouting hija xi ħaġa ġdida għalija, peró, huwa settur fil-futbol li huwa interessanti ħafna li tipprova tattira livell ta’ plejers għoli billi jingħaqdu mal-akkademja tagħna.
Huwa fatt magħruf li t-tim tal-kbar ta’ Pietà Hotspurs FC qed jutilizza numru ta’ plejers prodotti tan-Nursery. X’taħseb li huwa s-sigriet rigward dan is-suċċess?
Hekk hu! Il-klabb tal-Pietá dejjem ipproduċa plejers ta’ livell għoli. Is-sigriet forsi huwa li l-klabb dejjem investa ħafna fit-tfal tal-akkademja u dejjem emmen fl-abbiltá tat-tfal, flok il-klabb iħares lejn plejers ta’ klabbs oħra biex jgħolli l-livell tiegħu, il-Pietá dejjem investiet fit-tfal tagħha. Peró, huwa fatt ukoll li l-Pietá dejjem kellha kowċis ta’ ċertu livell, mill-akkademja sat-timijiet tal-kbar.
Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?
Jiena nara l-livell f’pajjżna kemm tal-grassroots kif ukoll fil-futbol dak kompetittiv għola ħafna. Ħafna klabbs qegħdin jinvestu bis-sħiħ f’kowċis li huma kwalifikati bil-liċenzji tal-UEFA, kif ukoll ħafna klabbs qegħdin jippruvaw li jtejbu l-faċilitajiet tat-‘training grounds’, kif ukoll apparat li jintuża waqt it-taħriġ.
U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Il-futbol Malti narah li nbidel ħafna fit-tajjeb. Ovvjament, it-timijiet tal-Malta Premier jutilizzaw ħafna plejers barranin li forsi għolla xi ftit tal-livell hawn Malta. Bil-Hamrun Spartans li issa kkwalifikaw għal-Fażi tal-Kampjonat tal-UEFA Conference Leage, forsi tagħtina dik in-naqra ta’ exposure ikbar ma’ plejers barranin li huma ta’ livell ogħla milli għandna. Peró, bħal kulhadd nixtieq nara iktar players Maltin jilagħbu fil-kampjonati tagħna iktar milli nġibu ħafna plejers barranin.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Riżorsi hawn Malta huma dawk li huma. Limitati ħafna, tant li ħafna mill-klabbs ewlenin hawn Malta lanqas għandom grawnd 11-a-side li naraha li f’dan l-aspett għadna lura ħafna meta niġu kkomparati ma’ timijiet barranin.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Rigward il-futur tiegħi fil-futbol, nixtieq li nkompli nikkowċja tfal li għadhom qegħdin fil-bidu tal-karriera tagħhom u nara kemm jista’ jkun plejers li kkowċjajt jiena jilagħbu fl-ogħla livelli tal-futbol Malti, kif ukoll li nikkowċja tim f’livell kompetittiv.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Messaġġ għal min jixtieq li jkollu karriera ta’ suċċess fil-futbol huwa dan – il-futbol trid tagħmel ħafna sagrifiċċji għalih … dejjem trid tkun iffukat fit-taħriġ u fil-logħob eċċ. Dejjem isimgħu mill-kowċis tagħkom … meta xi kowċ jgħaddi kritika mhux neħduha bħala offiża iżda għandna neħduha li ‘l-kowċ qalli hekk biex id-darba li jmiss inkun aħjar’ … neħduha bħala motivazzjoni biex inkunu dejjem aħjar mill-bieraħ!