Wednesday, May 21, 2025

Il-futsal huwa mibni fuq kreattivitá, passjoni u preċiżjoni – Rachel Borg

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futsal?

L-imħabba tieghi lejn l-isport hija xi ħaġa fenomenali speċjalment fejn jidħol il-futbol u l-futsal. Il-futsal hija logħba iktar mgħaġġla u attiva għal kull plejer, speċjalment għall-goalkeeper. Hemmhekk fejn l-involviment tiegħi bħala goalkeeper kiber iktar u attirajt il-lealtá lejn dan l-isport b’determinazzjoni u serjetá.

U għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?

Ir-rwol ta’ goalkeeper, minn dejjem kien ġo fija, minn sempliċi logħba ta’ ħbiberija, l-istint tiegħi kien imur fil-lasta, biex nilgħab bħala goalkeeper. Ilni fix-xena tal-futbol, minn mindu kelli ħames snin, fejn kont diġá qed nittrenja mas-subien mal-Mosta, u sibt posti mal-ewwel tim u minn hemm qatt ma ħarist lura!

X’tikkummenta fuq il-fatt li għadek kemm irbaħt l-unur tal-Plejer tax-Xahar għal April?

Nemmen illi dan l-unur ħa jfisser ħafna għalija kemm personalment għall-karriera tiegħi, kif ukoll għall-klabb li nirrapreżenta. Apparti minn hekk, inħossni grata għax-xogħol li għamilt matul l-istaġun kollu, għaliex kull sagrifiċċju li tajt, għen kemm għalija personali kif ukoll għal sħabi l-plejers u għat-tim kollu, għaliex wasalna biex nirbħu l-kampjonat ta’ din is-sena.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek, Lija Athletic, matul l-aħħar staġun, fejn irbaħtu wkoll il-kampjonat?

L-andament tat-tim tiegħi, kien b’saħħtu u determinat mill-bidu tal-istaġun u tant emminna li għandna naslu għar-rebħ tat-titlu, li bqajna naħdmu u nistinnkaw sal-aħħar sekonda, biex hadna dak li kien haqqna u li vera hdimna ghalih.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

Ovvjament fil-futur jaf jinbidlu xi affarijiet jew jaf ukoll nibqgħu kif ahna, imma din hija xi ħaġa li s’issa kontroll fuqha m’għandniex. Peró, nemmen u aħna persważi li se nibqgħu naħdmu u nistinkaw matul is-sajf biex la nerġgħu nibdew l-istaġun li ġej, inkunu ppreparati għal kull sfida.

Kif tqis il-livell tal-futsal tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?

Il-futsal tan-nisa, bħal kull sport ieħor, beda minn nukleu żgħir ħafna, imma sena wara oħra qiegħed jikber u jiftaħ opportunitajiet ġodda. Nemmen li se jibqa’ jikber u iktar plejers se juru interess fil-futsal.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Aħna bħala riżorsi u taħriġ ħa nibqgħu għaddejjin iżda mhux faċli nsibu training grounds tal-futsal bil-ħin addattat u fejn tidħol kompetizzjoni, jaf ikollna xi ħaġa anke barra minn Malta, bħalma diġá kellna f’April li għadda, fejn tlajna l-Italja u lgħabna tournament u rbaħna l-kompetizzjoni wkoll.

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?

Il-mentalitá fl-isport tibqa’ tikber u tibqa’ b’saħħitha, sakemm wieħed jieħu l-isport li jkun għażel bis-serjetá u b’determinazzjoni.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futsal?

Meta tkun ilek snin fix-xena tal-isport, dejjem tħares lejn il-futur b’mod ottimist. Bħalissa ninsab motivata ħafna kemm għall-Futsal kif ukoll għat-tim li nagħmel parti minnu (Lija Athletic). Bħalissa nista’ ngħid li għall-istaġun li ġej ħa nkun lesta u ppreparata biex nerġa’ nkun parti minn dan it-tim, iktar b’saħħti u matura għal kull sfida li se jkollna. Jekk Alla jrid, ‘il quddiem ikun hemm tim nazzjonali tan-nisa ħalli nkunu nistgħu nirrapreżentaw lil pajjiżna.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futsal.

Il-futsal huwa mibni fuq kreattivitá, passjoni u preċiżjoni. Kull logħba hija tagħlima, u mill-iżbalji nitgħallmu u nitjiebu. Nemmen li ħadd m’għandu jaqta’ qalbu milli jagħmel il-pass meħtieġ, għaliex huwa sport illi dejjem iżommok motivata u b’saħħtek kemm personalment, kif ukoll bħala taħriġ.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport