Wednesday, February 4, 2026

Il-Futsal Jidħol fil-Fażi Kruċjali  

Aqra wkoll

Hekk kif kien fadal partita waħda biss biex fil-kampjonat maskili tingħalaq l-ewwel fażi tal-kompetizzjonijiet tal-futsal, fil-kampjonat femminili intlagħbu tliet partiti kruċjali li wasslu biex tliet timijiet issa assiguraw posthom fil-play-offs.  

Fl-ewwel partita, Luxol Sports Club Futsal Argus kisbu rebħa dominanti ta’ 6–1 fid-derby kontra St. Andrew’s Futsal, b’Ruth Steer tkun l-eroj tal-laqgħa hekk kif skorjat tripletta. Min-naħa tagħhom, Zero Sei Futsal komplew juru s-saħħa tagħhom u żammew l-ewwel post fil-klassifika b’rebħa kbira ta’ 9–1 kontra Parr Mela Rockets Futsal.

Intant, it-tim tal-Kottonera St. George’s Futsal irnexxielu wkoll iżomm ruħu fil-quċċata wara rebħa ta’ 3–1 fuq Swieqi United Futsal LEC07.  
Skont il-klassifika attwali, Zero Sei Futsal jinsabu fl-ewwel post b’22 punt, segwiti minn St. George’s Futsal b’17-il punt u Luxol Sports Club Futsal Argus b’16-il punt, filwaqt li l-ġlieda għar-raba’ post, l-aħħar wieħed li jwassal għall-play-offs, se tkun deċiża fl-aħħar żewġ rounds tal-ewwel fażi bejn Swieqi United Futsal LEC07 (7 punti), Parr Mela Rockets Futsal (4 punti) u St. Andrew’s Futsal (3 punti).  
Fil-kampjonat maskili, intlagħbet l-aħħar partita qabel ma l-kompetizzjoni tinqasam għall-fażi finali, fejn Luxol St. Andrew’s Futsal kisbu rebħa kbira ta’ 14–2 kontra Sliema Futsal Fort Fitness. Protagonist assolut kien Luke Gatt, li niżżel ismu fost l-iskorers ħames darbiet.  
Skont il-kompożizzjoni tal-kampjonati għall-fażi li jmiss, fil-Premier Futsal League se jkunu qed jikkompetu GŻR Birżebbuġa St. Peter’s Futsal, Luxol St. Andrew’s Futsal, Marsaskala Futsal Legends, University of Malta Futsal u Żejtun Corinthians Futsal WA. Min-naħa l-oħra, il-Challenger Futsal League se tinkludi Futsal Selection U17, Futsal Selection U19, Santa Venera Lightnings Futsal u Sliema Futsal Fort Fitness.  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport