Tuesday, February 11, 2025

Il-futsal mhux biss huwa sport iżda permezz tiegħu titgħallem id-dixxiplina u t-‘teamwork’ – Luke Gatt

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Minn Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futsal?

L-imħabba tiegħi għall-futsal bdiet mat-tim ta’ St. George’s Bormla bis-saħħa ta’ ħabib tiegħi li kien jilgħab magħhom. Hekk kif lgħabt l-ewwel logħba tiegħi fil-kampjonat kontra Luxol St. Andrews, il-logħba għoġbitni mill-ewwel minħabba l-intensità kbira li fiha. Minn dakinhar ‘l hawn bqajt f’dan l-isport, għamilt sena mal-Belt u f’dik is-sena kont nominat għall-unur tal-aħjar plejer Malti u issa bdajt it-tielet staġun tiegħi mal-Luxol St. Andrews fejn irbaħt żewġ kampjonati, Knock-Out u tliet supercups.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek ma’ Luxol St Andrews Futsal sa issa. U x’tikkummenta fuq l-andament tagħkom bħala tim matul dan l-istaġun sa issa?

L-istaġun mal-Luxol sejjer tajjeb ħafna hekk kif irbaħna kull logħba fil-ewwel round. Il-ħidma tagħna, bis-saħħa tal-plejers, kowċ u kull membru tekniku, u d-dedikazzjoni tagħna qed iġibu r-riżultati, u hu tassew eċitanti li naraw il-ħidma tagħna tirrifletti f’rekord perfett.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragward tagħna ta’ din is sena huwa bhal tas-sena l-oħra – dak li li nieħdu t-treble u nibqgħu mhux megħluba!

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali Malti tal-futsal.

Li nirrappreżenta lil pajjiż tiegħi huwa tassew unur. Għamilt id-debutt tiegħi fl-2021 kontra Andorra barra minn darna. Meta tiltaqa’ ma dawn it-timijiet dejjem tkun qed tistenna logħba intensiva u ta’ livell għoli. Lgħabt fil-Worldcup Qualifiers ġewwa n-Norveġja fejn kellna logħbiet iebsin iżda ksibna l-ewwel punt fl-istorja ta’ din il-kompetizzjoni kontra t-tim ta’ Ċipru. Issa qegħdin fil-qualifiers tal-Euro fejn se niltaqgħu mal-ġganti tal-Fillandja, il-Belarus u l-Italja.

Kif tqis il-livell tal-futsal f’pajjiżna fil-preżent?

Nara l-livell tal-futsal ġewwa Malta huwa tajjeb iżda għad fadal ħafna fejn nistgħu nitjiebu meta kkumparat mal-livelli ta’ barra minn Malta.

U dak dak tar-riżorsi, jiġifieri l-Iskola Nazzjonali tal-Isport fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Rigward riżorsi għandna bżonn ta’ court dedikat għall-futsal biss biex b’hekk il- promozzjoni tal-kampjonat tkun aħjar.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futsal?

Il-futur tiegħi bħalissa huwa li nibqa’ ma’ Luxol St Andrews u li nibqa’ naħdem biex inżomm posti fit-tim nazzjonali.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futsal.

Għal dawk li jixtiequ jibnu karriera fil-futsal ninkoraġġihom bis-sħiħ biex jagħmlu dan, hekk kif il-futsal mhux biss huwa sport iżda permezz tiegħu titgħallem id-dixxiplina u t-‘teamwork’. Trid tinvesti l-ħin fih iżda finalment titgħallem ħafna minnu!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport