Brussell, 14 ta’ Lulju 2021 – Il-President tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) Lucas Micallef, is-CEO, Lino Farrugia, il-PRO, Gerald Vella, u l-Konsulent Amministrattiv, Joseph Perici Calascione, flimkien ma’ esperti oħra tal-kaċċa u l-konservazzjoni ta’ pajjiżi tal-UE kif ukoll Membri tal-Parlament Ewropew iltaqgħu online biex jiddiskutu “Il-Futur għall-Gamiema fl-Ewropa: Perspettivi dwar il-Kaċċa u l-Konservazzjoni”. Il-Laqgħa pproċediet fil-qafas ta’ “webinar” ta’ informazzjoni organizzat mill-Federazzjoni Ewropea għall-Kaċċa u l-Konservazzjoni (FACE).
Matul il-“webinar”, il-Professur Gregorio Rocha mill-Università ta’ Extremadura pprovda aġġornamenti dwar il-ħtiġijiet ta’ konservazzjoni tal-ispeċi, x-xogħol magħmul mill-komunità tal-kaċċaturi u l-konsegwenzi negattivi tal-waqfien tal-kaċċa. Kien hemm aġġornamenti minn Cy Griffin, il-Maniġer tal-Konservazzjoni tal-FACE dwar is-sitwazzjoni attwali bil-proċess tal-“Adaptive Harvest Management” b’ħarsa ġenerali tax-xenarji mistennija.
Għall-pajjiżi fil-“flyway” ċentrali u tal-lvant, li jinkludu l-gżejjer Maltin, huwa ċar li se jkun hemm tnaqqis ta’ 50% fil-kwota ta’ qbid li jkun permess. Tristan Breijer, Direttur ta’ Sħubiji Strateġiċi, “Hunter&Co.”, li hija l-ikbar “Application” tal-Ewropa għall-kaċċaturi, spjegat il-valur miżjud tal-applikazzjonijiet tat-telefowns intelliġenti għar-reġistrazzjoni, monitoraġġ u riċerka tal-qbid. Illum ukoll, il-FKNK għadha kemm daħlet fi ftehim ma’ “Hunter&Co.”
Il-FKNK barra minn hekk laqgħet u tixtieq tirringrazzja l-interventi qawwija li saru mill-MEPs Maltin Alex Agius Saliba, Viċi President tal-Intergrupp “Bijodiversità, Kaċċa, Kampanja”, u Josianne Cutajar, li flimkien ma’ MEPs oħra minn gruppi politiċi differenti – Isabel Benjumea-Benjumea (Spanja), Juan Ignacio Zoido (Spanja) – enfasizzaw il-ħtieġa għal ekwilibriju bbilanċjat sew bejn il-kaċċa u l-konservazzjoni, aktar milli l-għeluq tal-kaċċa għal kollox. Álvaro Amaro, President tal-Intergrupp, esprima “diżappunt għall-pożizzjoni preventiva u intransiġenti meħuda mill-Kummissjoni Ewropea biex tintroduċi moratorju fuq il-kaċċa ta’ l-ispeċi, anke jekk dan ġie miċħud mill-10 pajjiżi li jippermettu l-kaċċa tal-gamiem fil-ħarifa”. Issa qegħdin jittieħdu deċiżjonijiet mill-Istati Membri rigward il-kaċċa ta’ l-ispeċi f’pajjiżom.
Meta saru interventi oħra, bosta rappreżentanti mill-Membri tal-FACE (l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-kaċċa fl-Ewropa) ħadu l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar is-sitwazzjoni attwali fil-livell nazzjonali. Il-President tal-FKNK Lucas Micallef enfasizza l-appoġġ u l-involviment qawwi tal-FKNK u l-membri tagħha fil-konservazzjoni tal-ispeċi, madankollu, esprima d-diżappunt li jirriżulta min-nuqqas apparenti tal-Kummissjoni ta’ rikonoxximent tal-isforzi tal-kaċċaturi.