Friday, May 9, 2025

“Il-futur mhux xi ħaġa mistennija – il-futur diġà qiegħed hawn” – l-Ispeaker Anġlu Farrugia

Aqra wkoll

Min-naħa tiegħu,l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Dr Anġlu Farrugia, faħħar il-kontribut u l-impenn taż-żgħażagħ Maltin favur l-ambjent u l-ġustizzja interġenerazzjonali.

Waqt li rrikonoxxa li kull sessjoni ta’ EkoSkola qed issir aktar relevanti u b’saħħitha, l-Ispeaker qal li issa qed niffaċċjaw ġenerazzjoni li mhux biss taf xi trid, imma għandha l-għodod u l-kuraġġ biex tagħmel differenza konkreta.

Huwa għamel referenza għad-dokument strateġiku, Viżjoni ta’ Malta għall-2050, li jfittex li jfassal futur aktar nadif, intelliġenti u ġust għal kulħadd. F’dan il-kuntest, l-Ispeaker semma passi konkreti li diġà ttieħdu sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO₂ b’mod sostenibbli, inkluż l-investiment f’enerġija nadifa u teknoloġiji bħax-shore-to-ship power fil-Port il-Kbir.

L-Ispeaker semma sistemi li ħaseb dwarhom bħal tat-toroq intelliġenti li jistgħu jiċċarġjaw vetturi elettriċi waqt il-moviment, l-installazzjoni ta’ pannelli solari fuq il-faċċati ta’ binjiet residenzjali, u s-sfruttar tal-kurrenti ta’ qiegħ il-baħar bħala sors ta’ enerġija rinnovabbli. Huwa enfasizza li jekk 60% tal-vetturi f’Malta jinbidlu għal elettriċi u jiġu ċċarġjati minn sorsi nodfa, il-pajjiż jista’ jnaqqas sa 400,000 tunnellata ta’ CO₂ fis-sena,  ekwivalenti għal 17% tal-emissjonijiet totali.

“Illum iż-żgħażagħ jafu xi jridu u x’impatt jistgħu jagħmlu, mhumiex sempliċiment qed jipparteċipaw – imma qed jifformaw il-futur”, qal l-Ispeaker Anġlu Farrugia. Huwa żied li l-iskejjel għandhom jitqiesu bħala laboratorji ta’ ħsieb, fejn it-tagħlim jispira azzjoni, u fejn l-ideat taż-żgħażagħ għandhom jiġu milqugħa b’serjetà u sens ta’ dmir. B’referenza diretta għall-politika nazzjonali, l-Ispeaker appella għal impenn akbar mill-awtoritajiet sabiex jindirizzaw l-aspirazzjonijiet ġenwini ta’ ġenerazzjoni li trid Malta aktar ekoloġika u sostenibbli.  “Meta l-politika tisma’ lit-tfal tagħha, u meta ż-żgħażagħ jemmnu li l-ideat tagħhom jistgħu jħallu impatt – dik tkun il-bidla vera”, ikkonkluda d-diskors l-Ispeaker Anġlu Farrugia.

Il-sessjoni speċjali ta’ Ekoskola 2025 ġiet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli, il-Ministru tal-Edukazzjoni l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, mill-Kelliem Ewlieni tal-Opożizzjoni għall-Edukazzjoni Justin Schembri, mill-Kelliem Ewlieni għall-Oppożizzjoni għall-Ambjent Rebekah Borg  kif ukoll minn diversi studenti li pparteċipaw b’mod attiv. 

Attendew ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard,  il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi, Mark Anthony Sammut, Graziella Galea, Ivan Castillo, Stanley Zammit, Jerome Caruana Cilia u Clayton Bartolo.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport