II-club tar-regatta ta’ Bormla rnexxielu jirbaħ żewġ shields fl-avveniment ta’ Jum il-Vitorja u dan kollu kien biżżejjed sabiex jiċċelebraw il-21 suċċess fl-istorja glorjuża tagħhom.
Ir-regatta ta’ Jum il-Vitorja bħas-soltu saret fil-Port il-Kbir b’diversi naħat tal-Belt Valletta u l-Kottonera li kienu mimlija spettaturi u partitarji jħeġġu lill-klabb favorit tagħhom.
B’dan is-suċċess, il-Bormliżi qed jersqu dejjem aktar viċin l-Isla li fl-istorja tagħhom rebħu 23 shield.
Minkejja r-rebħa Bormliża, l-edizzjoni ta’ din is-sena kienet ikkaraterizzata minn taqtiegħa mad-distrett tal-Isla speċjalment fl-aħħar tellieqa tad-dgħajjes tal-pass b’erbat imqadef li kellhom jiddeċiedu fejn se jmorru l-unuri finali.
Fil-klassifika finali, Bormla ġabu total ta’ 66 punt filwaqt li l-Isla kisbu 56 punt. Fit-tielet post spiċċaw il-Birgu b’total ta’ 24 punt bil-Kalkara li ġabru 12-il punt. Birżebbuġa kitbu total ta’ tmien punti filwaqt li Marsamxett spiċċaw fl-aħħar post b’sitt punti.
Il-Bormliżi ddominaw ukoll Kategorija B bi 68 punt bl-Isla li kellhom 48 punt, il-Birgu 28 punt, Kalkara 20 punt u Birżebbuġa 8 punt.
Finalment il-kategorija tal-frejgatini tan-nisa ġiet mirbuħa mill-Birgu.
Sadanittant il-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Clifton Grima ppreżenta s-Shields u t-trofej lil dawk kollha rebbieħa bil-Bormliżi li kienu fis-seba’ sema wara din il-bravura li kienu għadhom kemm wettqu.
Talk.mt tkellem ma’ wieħed mill-qaddiefa veterani tal-klabb ta’ Bormla Dennis Thornton li deher ferm sodisfatt b’dak li għamlu bħala tim.
“Kienet rebħa li xejn ma kienet faċli anke minħabba l-oppożizzjoni denja li tawna l-Isla. Ċertament li kienet regatta mill-isbaħ li tat pjaċir lil kull min raha jew mill-Port il-Kbir jew inkella mit-televiżjoni.”
“Ilna nagħmlu t-taħriġ tagħna b’mod intensiv speċjalment f’dan l-aħħar xahar. Wara r-regatta ta’ Jum il-Ħelsien bdejna naħsbu għal din u fuq kollox bdejna t-taħriġ fuq l-art li jikkonsisti l-aktar f’ġiri u sessjonijiet fil-gym. Dawn jgħinu ħafna sabiex fl-aħħar mill-aħħar immorru fuq il-baħar u nibdew naqdfu d-dgħajjes tagħna.”
Thornton qal li din kienet tiġrija differenti minn tas-soltu għax din id-darba nqasmu l-punti fejn l-Isla u anke l-Birgu ħadu xi palju. Min-naħa tagħhom, huma rrispondew b’żewġ paljijiet li kienu importanti sabiex waslu għar-rebħa finali għalkemm kollox kien għadu inċert sal-aħħar tiġrija.
Hu qalilna li normalment meta Bormla jibdew tajjeb mill-bidu, mingħajr ma jridu l-qaddiefa bħal donnu jserrħu rashom li x-Shield se joħduha huma għalkemm l-edizzjoni ta’ din is-sena ma kinitx il-każ.
Thornton qal li kien hemm problema teknika mal-bidu tat-tiġrija fejn dak inkarigat għolla l-bandiera u spara fl-istess ħin u dan tellef xi ftit il-konċentrazzjoni tal-qaddiefa li ma stennewx bidu hekk. Madankollu kollox ġiet irranġat u t-tellieqa setgħet tkompli kif ippjanat.
Saqsejna lil Thornton jekk Bormla għandhom futur sabiħ quddiemhom u fuq kollox jekk hux possibbli li narawh f’aktar regatti fil-futr.
“Il-futur ta’ Bormla fir-regatta jidher wieħed ferm sabiħ u għandna żgħażagħ li qed jippromettu u oħrajn li għandhom l-esperjenza meħtieġa sabiex niggwidawhom.”
“Rigward it-tieni mistoqsija, jien illum il-ġurnata għandi 44 sena u għalkemm żgħir m’għadniex, l-għan tiegħi hu li nibqa’ naqdef għal pajjiżi.”
Dennis Thornton sostna li kien hemm ritorn ta’ żewġ qaddiefa veterani u dawn kienu Lawrence Ciantar u Gino Viakara li taw prestiġġju lil din l-edizzjoni ta’ Jum il-Vitorja.