Monday, December 9, 2024

Il-futur taż-żewġ pitbulls li attakkaw lil Ines Galea f’idejn il-Qorti

Aqra wkoll

Attivisti tal-annimali jittamaw li l-annimali ma jitraqqdux iżda jkollhom l-opportunità biex jiġu rijabilitati

L-organizzazzjoni ‘Island Sanctuary Malta’ qed tispera li l-klieb involuti fil-każ, fejn sfortunatament Ines Galea, li kellha 95 sena, mietet wara li ġiet attakkata minn żewġ pitbulls, ma jiġux imraqqda. “L-esperjenza għalmitna li intrinsikament m’hemmx klieb ħżiena imma hemm bosta sidien tagħhom li huma ħżiena.”

Huma qalu li filwaqt li mhumiex f’pożizzjoni biex jiġġudikaw, jikkunsidraw lil pitbulls bħala vittmi wkoll. “Saru ilmenti u rapporti mill-ġirien, iżda apparentament ma ttieħdu l-ebda passi,” qalet Island Sanctuary filwaqt li żiedet tgħid li jisperaw li l-klieb involuti ma jiġux mraqqda iżda jingħataw l-opportunità biex jiġu rijabilitati u jmorru f’dar diċenti għax “wara kollox, anke l-kriminali jingħataw it-tieni ċans”.

Anke fuq il-paġna ta’ ‘Voice for the Voiceless’, paġna bil-għan li ssib dar għall-annimali abbandunati fost oħrajn, intqal li meta l-pitbulls jitwieldu, dawn ma jkunux iridu jiġġieldu jew joqtlu filwaqt li sostnew li hemm bosta raġunijiet għalfejn wieħed għandu jħobb il-klieb ta’ din ir-razza.

Intant, jidher li qabel ma ssir l-awtopsja fuq il-katavru tal-anzjana, mhu se tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar il-klieb involuti fil-każ u eventwalment, id-deċiżjoni dwarhom se tkun f’idejn il-Qorti. Iż-żewġ pitbulls involuti qed jinżammu f’post sigur fid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali. Il-Pulizija qed titratta dan il-każ bħala omiċidju involontarju u mistennija tkompli tinvestiga lin-neputi tal-vittma, Andre Galea.

Ekonomija

Sport