Tuesday, March 10, 2026

Il-G7 se jieħu miżuri biex jassigura l-provvisti tal-enerġija

Aqra wkoll

Is-seba’ pajjiżi l-iktar b’saħħithom ekonomikament fid-dinja li jiffurmaw il-G7 iddikjaraw li huma lesti li jieħdu “l-miżuri meħtieġa kollha” biex jappoġġjaw il-provvista globali tal-enerġija wara li b’effett tal-gwerra bejn l-Istati Uniti u l-Iżrael mal-Iran żdiedu l-prezzijiet taż-żejt.

Madankollu, laqgħa tal-ministri tal-finanzi tal-G7 u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA) intemmet mingħajr ftehim biex jiġu rilaxxati r-riżervi strateġiċi taż-żejt mhux raffinat. Fil-laqgħa virtwali, l-għażla li jiġi rilaxxat iż-żejt mill-ħażniet kienet waħda minn diversi diskussi hekk kif is-swieq globali taż-żejt iddeterjoraw fl-aħħar jiem.

Il-prezz taż-żejt laħaq kważi 120 dollaru kull barmil nhar it-Tnejn, minħabba biżgħat ta’ tfixkil fit-tul fil-provvisti, qabel ma niżel sew wara li l-President Trump qanqal it-tamiet li l-gwerra mal-Iran se tintemm dalwaqt.

Is-Segretarju tat-Teżor Ingliż, Rachel Reeves qalet li r-Renju Unit uża l-laqgħa tal-G7 biex jitlob li jkun hemm tnaqqis immedjat tat-tensjoni fil-Lvant Nofsani u s-sigurtà garantita għall-vapuri fir-reġjun.

It-tfixkil kbir fil-provvisti tal-enerġija mir-reġjun tal-Lvant Nofsani qed jhedded li jgħolli l-prezzijiet għall-konsumaturi u n-negozji madwar id-dinja. L-inflazzjoni qed tiżdied u tista’ twassal għal inqas tnaqqis fir-rati tal-imgħax. 

L-Istati Uniti u l-Iżrael nedew mewġiet ġodda ta’ attakki mill-ajru madwar l-Iran matul tmiem il-ġimgħa li għadda, u laqtu diversi miri inklużi depożiti taż-żejt.

Sadanittant, l-Iran immira lejn l-infrastruttura tal-enerġija fl-istati ġirien tal-Golf. Matul il-lejl, l-Arabja Sawdija qalet li interċettat u qerdet żewġ mewġiet ta’ drones li kienu sejrin lejn ħażniet ewlenin taż-żejt.

Iżda l-eskalazzjonijiet matul tmiem il-ġimgħa, flimkien ma’ xeni ta’ qerda tal-infrastruttura tal-enerġija kemm fl-Iran kif ukoll madwar il-Golf, raw is-swieq jiżdiedu fil-biżgħat tagħhom.

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump ċaħad li hemm it-tħassib dwar iż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt. Nhar il-Ħadd, huwa kiteb fuq il-pjattaforma tiegħu Truth Social li l-prezzijiet taż-żejt se jonqsu malajr wara li tintemm it-theddida nukleari tal-Iran. Qal ukoll li dan huwa prezz żgħir ħafna li għandu jitħallas għall-Istati Uniti, għad-dinja, u għas-Sigurtà u l-Paċi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport