Il-Gvern tal-Ġappun ħeġġeġ lin-nies f’Tokyo u fiż-żona tal-madwar biex jużaw inqas elettriku hekk kif wissa li l-provvisti se jkunu taħt pressjoni billi l-pajjiż se jkun qed jiffaċċja mewġa ta’ sħana.
In-nies ġew imħeġġa biex ma jixegħlux id-dawl għal tliet sigħat, mit-3:00 p.m. (ħin ta’ Tokyo), jekk mhux għall-bżonn, filwaqt li jistgħu jagħmlu użu sew tal-arja kondizzjonata u l-idratazzjoni matul il-ħinijiet sħan.
Għal ġimgħat sħaħ, l-uffiċjali wissew dwar tnaqqis fil-qawwa tal-elettriku hekk kif it-temperaturi bdew jogħlew.
Fi tmiem il-ġimgħa, it-temperatura fiċ-ċentru ta’ Tokyo telgħet ‘il fuq minn 35 grad filwaqt li l-belt ta’ Isesaki, fil-Majjistral tal-kapitali, rat rekord ta’ 40.2 gradi celsius. Dik kienet l-ogħla temperatura li qatt ġiet irreġistrata f’Ġunju għall-Ġappun. Ġunju jimmarka l-bidu tas-sajf fil-Ġappun, b’temperaturi tipikament jibqgħu taħt it-30 grad matul ix-xahar.
Fi stqarrija li ta l-gvern fis-sigħat li għaddew huwa qal li llum waranofsinhar f’Tokyo u fi tmien prefetturi tal-madwar il-kapaċità żejda ta’ ġenerazzjoni għall-elettriku kienet mistennija tinżel għal 3.7%.
Il-provvista tal-enerġija tal-Ġappun ilha stretta minn meta terremot fir-reġjun tal-Grigal f’Marzu ġiegħel lil xi impjanti tal-enerġija nukleari jissospendu l-operazzjonijiet. Uffiċjali għalqu wkoll diversi impjanti tal-fjuwils fossili li qed jixjieħu f’tentattiv biex inaqqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju.
Dawn il-kwistjonijiet, flimkien ma’ żieda fid-domanda għall-elettriku, ikkawżaw pressjoni fuq l-enerġija.
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-gvern Ġappuniż talab lid-djar u lill-kumpaniji biex jiffrankaw kemm jista’ jkun elettriku matul is-sajf.
Intant, ix-xandar pubbliku Ġappuniż NHK irrapporta li 46 persuna f’Tokyo kienu ttieħdu l-isptar għal suspett ta’ heatstroke u raġel ta’ 94 sena fil-belt ta’ Kawagoe fil-viċin kien suspettat li miet minn din il-kundizzjoni.