Il-kabinett tal-Ġappun approva baġit rekord għad-difiża hekk kif it-tensjonijiet maċ-Ċna qed ikomplu jiżdiedu. Il-kapaċitajiet ta’ attakk Ġppuniżi u d-difiżi kostali se jiżdiedu u dan wassal liċ-Ċina din il-ġimgħa takkuża lill-Ġappun li qed iqanqal tellieqa għall-armi spazjali.
L-abbozz tal-baġit tad-difiża għas-sena fiskali li jmiss – approvat nhar il-Ġmgħa – huwa ta’ aktar minn 58 biljun dollari u 9.4% akbar mill-baġit ta’ qablu, li se jintemm f’April. Iż-żieda hija fir-raba’ sena tal-programm ta’ ħames snin tal-Ġappun biex jirdoppja l-infiq annwali tiegħu fuq l-armi għal 2% tal-Prodott Domestiku Gross.
Iż-żieda fil-baġit waslet f’nofs ostilitajiet dejjem jeskalaw bejn il-gvernijiet Ċniż u Ġappuniż. Iċ-Ċina Konsistentement oġġezzjonat għat-tisħiħ tad-difensiva tal-Ġappun, iżda r-relazzjonijiet implodew ix-xahar li għadda meta l-prim ministru tal-Ġappun, Sanae Takaichi, qalet li l-Ġappun probabbilment jinvolvi ruħu militarment jekk iċ-Ċina tattakka lil Taiwan bħala parti mill-pjanijiet ta’ Beijing li tgħaqqad magħha t-territorju tat-Taiwan.
Ir-rimarki ta’ Takaichi qanqlu reazzjoni qawwija minn Beijing, li bdiet firxa ta’ passi diplomatiċi u ekonomiċi ta’ ritaljazzjoni. Takaichi rrifjutat li tirtira l-kummenti tagħha, filwaqt li l-gvern sostna li dawn ir-rimarki ma jirrappreżentaw l-ebda bidla fil-politiki ta’ difiża tal-Ġappun.
Uffiċjali tal-gvern Ċiniż komplew jikkritikaw pubblikament lil Tokyo tant li nhar il-Ħamis, il-ministeru tad-difiża taċ-Ċina qal li l-iżviluppi reċenti tat-teknoloġija spazjali tal-Ġppun – li wħud minnhom huma f’kooperazzjoni mal-Istati Uniti – kienu qed jaċċelleraw l-armi u l-militarizzazzjoni tal-ispazju, u qed iqanqlu tellieqa tal-armi spazjali.
Il-kostituzzjoni tal-Ġappun ta’ wara l-gwerra tipprojbixxih milli juża l-forza militari bħala mezz biex isolvi tilwim internazzjonali iżda emenda tal-2015 – li għaddiet meta l-Shinzo Abe kien prim ministru – tippermetti lill-pajjiż jeżerċita awtodifiża kollettiva f’ċerti sitwazzjonijiet, anke jekk ma jkunx direttament taħt attakk.

