Il-Pulizija Ġappuniża arrestat erbat irġiel talli allegatament kienu wara każi ta’ scams u serq waqt li kienu arrestati barra l-pajjiż.
L-awtoritajiet qalu li fil-mira tal-irġiel kien hemm l-anzjani, u allegatament qarrqu jew serqu lill-vittmi tagħhom biljuni ta’ yen.
Mill-ħabs tagħhom fil-Filippini, l-irġiel irnexxielhom jirreklutaw kompliċi oħra fil-Ġappun biex iwettqu s-serq. Wieħed minnhom jingħad li kien il-moħħ, isejjaħ lilu nnifsu “Luffy”.
L-awtoritajiet Filippini ddeportaw tnejn minnhom, Kiyoto Imamura u Toshiya Fujita, lejn il-Ġappun aktar kmieni din il-ġimgħa. It-tnejn l-oħra – Yuki Watanabe u Tomonobu Kojima – waslu l-Ġappun nhar l-Erbgħa billejl.
Huma kienu fost għexieren ta’ ċittadini Ġappuniżi li ilhom arrestati fil-Filippini sa mill-aħħar tal-2019 fuq suspett ta’ involviment fl-hekk imsejjaħ gang “Luffy”.