Il-Prim Ministru tal-Ġappun, Fumio Kushida qal li pajjiżu għandu jikkunsidra li jibni iktar impjanti tal-enerġija li jaħdmu bin-nukleari. Din hija dikjarazzjoni kontroversjali hekk kif dan il-pajjiż kien issospenda ħafna mill-impjanti nukleari tiegħu wara d-diżastru li kien seħħ ġewwa Fukushima fl-2011.
Kishida argumenta li l-gwerra fl-Ukrajna u ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija qegħdin iwasslu biex pajjiżi jiddiversifikaw is-sorsi tal-enerġija tagħhom. Huwa żied jgħid li l-enerġija ġġenerata min-nukleari tista’ tkun kruċjali wkoll biex il-Ġappun jilħaq il-mira li sal-2050 jkun newtrali mill-karbonju. Apparti dan kollu, Kishida qal li apparti li jinbnew impjanti ġodda, dawk li bħalissa mhux qed joperaw għandhom jerġgħu jibdew jintużaw u jiġu mħarsa.
Id-diżastru tal-2011 kien seħħ kawża ta’ tsunami li wassal biex reatturi tal-impjant nukleari ta’ Fukushima faru bl-ilma u dan ikkontamina ż-żona. Dan kien wassal biex 150,000 persuna kellhom jiġu evakwati. Il-Ġappun għandu 50 impjant nukleari, iżda wara dan l-inċident kien waqaf juża 46 minnhom.