Sunday, November 10, 2024

Il-Ġappun se jonfoq $1.8 miljun f’funeral statali għal Shinzo Abe… il-poplu ma jaqbilx

Aqra wkoll

Il-Ġappun se jkun qiegħed jonfoq is-somma ta’ $1.8 miljun għal funeral stati tal-eks Prim Ministru tal-Ġappun Shinzo Abe li kien ġie assassinat f’Lulju li għadda. Din iċ-ċifra kbira kienet ikkritikata mill-partiti tal-oppożizzjoni. 

Abe, l-iktar Prim Ministru li serva fit-tul fil-Ġappun, kien inqatel b’arma tan-nar waqt rally politiku li kien qiegħed jagħmel fit-8 ta’ Lulju. Minkejja li l-funeral tiegħu kien sar ftit tal-jiem wara, l-awtoritajiet tal-Ġappun iddeċidew li jagħmlu funeral statali fl-arena ta’ Nippon Budokan ġewwa Tokjo fis-27 ta’ Settembru li ġej. 

Il-gvern immexxi mill-Prim Ministru Fumio Kishida – ħabib kbir ta’ Abe – iddeċieda li l-funeral se jkun qiegħed jiġi mħallas kollu minn fondi pubbliċi. Iżda sondaġġi li saru fl-aħħar jiem qed juru li l-maġġoranza tal-poplu – 53% – huma kontra li jsir dan il-funeral statali. In-nuqqas tal-qbil tal-poplu huwa minħabba r-rabtiet li hemm bejn il-partit li qed imexxi u l-Knisja ta’ Unifikazzjoni – rabtiet li qatt ma ġew spjegati lill-pubbliku. 

Il-Knisja ta’ Unifikazzjoni huwa moviment reliġjuż li kien ġie mwaqqaf fl-1950 ġewwa l-Korea t’Isfel. Din l-organizzazzjoni  – li hija magħrufa għat-tiġijiet kbar li tagħmel – kemm-il darba ffaċċjat mistoqsijiet dwar il-mod ambigwu ta’ kif tikseb id-donazzjonijiet. Is-suspettat qattiel ta’ Abe – li kien ġie arrestat ftit wara l-att – allegatament kellu aġenda kontra din l-organizzazzjoni reliġjuża hekk kif allega li ommu ftaqret minħabba fiha. Huwa tefa’ t-tort fuq Abe li ppromwova din l-organizzazzjoni reliġjuża u b’hekk saret iktar popolari fil-Ġappun. 

Sport