Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien mal-Kummissarju tal-Films Johann Grech u l-mara tal-Prim Ministru Dr Lydia Abela, żar is-sett ta’ ‘Enola Holmes 3’ fl-Imdina, fl-aħħar jiem ta’ filming fil-pajjiż.
Waqt iż-żjara, il-Ministru Owen Bonnici qal, “Kburin li pajjiżna reġa’ wera l-ħila u l-versatilità tiegħu bħala ċentru ta’ kreattività u talent. Il-fatt li produzzjoni daqshekk kbira bħal ‘Enola Holmes 3’ għażlet Malta bħala sfond għall-istorja tagħha mhux biss iġib investiment ekonomiku u promozzjoni internazzjonali, iżda joħloq ukoll opportunitajiet ġodda għall-artisti u l-ħaddiema lokali tagħna.”
Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal, “Produzzjonijiet bħal dawn huma importanti mhux biss għall-ekonomija tagħna, u għall-image ta’ pajjiżna, imma għax iservu ta’ opportunità biex inkomplu bl-upskilling tal-crews Maltin u Għawdxin.”
Din il-produzzjoni għażlet lil Malta biex tiffilmja għal aktar minn xahar sħiħ, bil-ġbid isir f’bosta lokalitajiet bħall-Mellieħa, il-Belt Valletta, Ħ’Attard u fil-Malta Film Studios, fost oħrajn.
Dirett minn Phil Barantini, ‘Enola Holmes 3’ isegwi lil Enola, interpretata mill-attriċi rinomata Millie Bobby Brown, f’misteru ġdid ambjentat proprju f’Malta taħt l-Imperu Brittaniku. Fost atturi oħra li kienu f’Malta għal din il-produzzjoni kien hemm ukoll l-attriċi rinomata, Helena Bonham Carter.
Din il-produzzjoni kellha aktar minn 360 crew Malti u Għawdxi fiha u hija produzzjoni oħra appoġġata mill-Kummissjoni tal-Films ta’ Malta permezz tal-programm attraenti tal-Cash Rebate.