Mal-ħatra ta’ Silvio Scerri bħala l-Kap Eżekuttiv ġdid tal-Malta Council for Science and Technology, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja u s-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi Riccarda Darmanin, għamlu żjara ta’ kortesija lill-Kap Eżekuttiv Silvio Scerri fil-binja tal-MCST, Villa Bighi.
Filwaqt li awgurawlu f’isem il-GWU għat-tmexxija ġdida tiegħu fi ħdan l-MCST, li huma konvinti li se tkun waħda tajba bl-esperjenza u ħidma f’entitajiet oħrajn, flimkien iddiskutew l-għan importanti ta’ kollaborazzjoni bejniethom biex jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ negozjar għall-ftehim kollettiv li jmiss li se jibda b’mod immedjat.
Il-GWU saħqet fuq l-importanza li flimkien, id f’id, itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema.
“L-għan tal-organizzazzjoni tagħna, il-GWU huwa twettaq b’suċċess il-ħidma u l-missjoni tagħha, dik li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u tiggarantixxi futur ġust,” qal is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-MCST wera l-apprezzament tiegħu għall-ħidma sfieqa mill-GWU għall-ħarsien u l-interessi tal-ħaddiema.
“Jien nemmen verament fil-ħaddiem. Il-post tax-xogħol igawdi biss jekk ikun hemm ambjent seren mill-ħaddiema. Huwa importanti li l-ħaddiema jingħataw il-benefiċċji u l-pagi xierqa li jistħoqqilhom. Għalhekk inħoss li f’għaqda konġunta magħkom naslu,” qal il-Kap Eżekuttiv Silvio Scerri.