It-Taqsima Marittima u Avjazzjoni fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) kisbet ir-rikonoxximent uffiċjali biex tirrappreżenta l-ħaddiema ta’ Malta MedAir.
Dan ir-riżultat huwa frott tal-fiduċja li l-maġġoranza tal-impjegati wrew fil-GWU, u jikkonferma l-impenn kontinwu tal-unjin li tiddefendi d-drittijiet u l-interessi tal-ħaddiema f’dan is-settur importanti.
Pass li seta’ jseħħ wara li l-maġġoranza tal-impjegati irreġistraw bħala membri tal-GWU. Wara dan l-iżvilupp, intalbet verifika mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER), li kkonferma li l-maġġoranza tal-ħaddiema ingaġġati huma membri tal-GWU.
Għalhekk issa l-GWU għandha mandat ċar biex tibda taħdidiet mal-maniġment tal-kumpanija bil-għan li jsir l-ewwel Ftehim Kollettiv għal dawn il-ħaddiema. L-għan tat-Taqsima huwa li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol, issaħħaħ is-sigurtà tal-impjieg u tiżgura trattament ġust għall-ħaddiema kollha li jaħdmu f’diversi dipartimenti, fosthom fil-Parts and Logistics, MOC, Planning, Flight Operations, Ground and Security, Safety and Compliance, kif ukoll CAMO.
F’kumment li ta s-Segretarju tat-Taqsima, Jurgen Azzopardi, qal li l-GWU tibqa’ impenjata li taħdem b’mod kostruttiv u responsabbli sabiex jintlaħqu soluzzjonijiet li jkunu ta’ ġid kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-operat sostenibbli tal-kumpanija.

