It-Taqsima Marittima u Avjazzjoni fi ħdan il-General Workers’ Union irreġistrat tilwima industrijali ma’ Transport Malta, wara li l-Awtorità naqset milli tirrikonoxxi x-xewqa tal-maġġoranza tal-ħaddiema f’sezzjoni partikolari sabiex jiġu rappreżentati mill-GWU.
Din it-tilwima mhijiex marbuta ma’ talbiet finanzjarji jew kundizzjonijiet tax-xogħol, iżda hija bbażata esklussivament fuq id-dritt fundamentali tal-ħaddiema li jagħżlu liberament min jirrappreżentahom.
Minkejja t-tentattivi li saru biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata permezz ta’ djalogu kostruttiv, s’issa ma kien hemm l-ebda sinjal li Transport Malta qed tieħu azzjoni konkreta f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, il-GWU kellha tinvolvi lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER) sabiex il-proċess isegwi l-proċeduri skont il-liġi tax-xoghol.
Is-Segretarju tat-Taqsima, Jurgen Azzopardi, sostna li din it-Taqsima tibqa’ impenjata favur soluzzjoni ġusta. Madankollu, ma tistax taċċetta li r-rieda demokratika tal-ħaddiema tibqa’ tiġi injorata.
Għaldaqstant, il-GWU tirriżerva kull dritt li tieħu l-passi kollha meħtieġa, inkluż azzjoni industrijali jekk ikun hemm bżonn, sabiex tiġi difiża l-vuċi tal-membri tagħha u jiġi żgurat li t-talbiet tagħhom jaslu fejn meħtieġ.

