Monday, December 9, 2024

IL-ĠENEROŻITÀ MALTIJA TISPIKKA

Aqra wkoll

Issa li għadda l-Milied, li huwa żmien ta’ paċi, għaqda u solidarjetà, hemm bżonn li din is-solidarjetà tibqa’ għaddejja s-sena kollha u dan meta nafu li hawn daqstant persuni madwar id-dinja kollha li jista’ jkun ma messithomx l-istess xorti li messet lilna.

Dak li rajna lbieraħ waqt il-maratona “l-Istrina” kienet turija oħra tal-ġenerożità u l-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi. Kienet ukoll rigal mill-isbaħ għall-President ta’ Malta George Vella, li kienet ukoll l-aħħar Istrina tiegħu f’din il-Presidenza. 

Tassew illi s-somma miġbura waqt din il-maratona tixhed kemm il-poplu Malti, meta jiġi mitlub biex jagħti sehmu għal kawża ġusta bħal din, jagħmel b’dan b’ruħu u ġismu. Smajna bi stejjer li jmissulek qalbek. Tisma’ l-esperjenzi ta’ nies li jgħidulek kemm il-Malta Community Chest Fund Foundation kienet ta’ spalla għalihom u għall-familji tagħhom.

Dawn l-istejjer kollha magħduda flimkien iġegħluna nirriflettu aktar fuq kemm huwa importanti li naħsbu f’xulxin u li nkunu solidali ma’ xulxin. Fuq kollox is-sabiħ li tagħti, fejn b’dak il-ġest żgħir tiegħek qiegħed tkun ta’ għajnuna kbira għal ħaddieħor. Għalhekk kull donazzjoni mogħtija, kull att ta’ ġenerożità, ifissru għajn ta’ tama għal nies oħra fil-bżonn. 

Din it-turija ta’ ġenerożità spikkat ukoll waqt il-kampanja Rigal bi Mħabba li kienet intenzjonata biex kull tifel u tifla f’pajjiżna jingħataw rigal tal-Milied. Xejn inqas minn 4,000 rigal inġabru f’din l-inizjattiva b’solidarjetà ma’ tfal li huma inqas ixxurtjati minn oħrajn u b’hekk setgħu jifirħu f’dan il-Milied bħal tfal oħra. 

Quddiem dan kollu, nemmnu li s-solidarjetà li ntweriet ma’ dawn ħutna fil-bżonn, se terġa’ tintwera fil-bidu tas-sena l-ġdida, meta se terġa’ tittella’ l-Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza. Irridu għalhekk naħsbu fil-bżonnijiet ta’ din id-Dar li qiegħda tkun ta’ ġid għal ħafna persuni b’diżabilità.

Aħna konvinti li din il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi se tkun ta’ opportunità oħra fejn bħala poplu nwarrbu l-egoiżmu biex nagħtu ħajja aħjar lil dawk kollha li x-xorti ma tantx tbissmitilhom. Dawn ukoll għandhom dritt għal ħajja diċenti. 

Ekonomija

Sport