Analiżi miktuba minn Ruben Briffa
Fit-3 ta’ Ottubru li għadda, il-Ġermanja ċċelebrat it-30 sena minn mindu waqa’ l-ħajt ta’ Berlin, li kien ilu jaqsam dan il-pajjiż sa mill-1945, meta kienet ġiet fi tmiemha t-Tieni Gwerra Dinjija. L-għaqda tal-Ġermanja tal-Lvant u dik tal-Punent ftit kienet sabet appoġġ mill-mexxeja Ewropej ta’ dak iż-żmien.
Ħafna minn dawn il-mexxejja kienu beżgħu li l-Ġermanja magħquda setgħet b’xi mod jew ieħor terġa’ titħajjar tiddomina l-Ewropa bħalma kienet għamlet fi żmien in-Nażismu kif ukoll fi żmien meta l-Ġermanja kienet immexxija mill-Kaiser Wilhelm it-Tieni.
Minkejja li ġie użat mudell kompletament differenti milli kienu użaw Hitler u l-Kaiser, żgur li dan il-pajjiż irnexxielu jilħaq il-ħolma eterna tiegħu li l-Ewropa titmexxa minn ġewwa Berlin.
Żbilanċ demografiku
Qabel l-1990, fl-Ewropa kien hemm ċertu bilanċ demografiku li kien jaqsam is-saħħa politika bejn l-akbar erba’ pajjiżi, li kienu l-Italja, ir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja tal-Punent. Fil-fatt, dik il-ħabta, il-popolazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn il-pajjiżi kienet bejn wieħed u ieħor ta’ 60 miljun ruħ.
L-għaqda taż-żewġ Ġermanji kienet tellgħet il-popolazzjoni tal-Ġermanja magħquda għal kważi 80 miljun ruħ, u b’hekk inħolqot sitwazzjoni ta’ żbilanċ li ħafna mexxejja Ewropej ta’ dak iż-żmien kienu beżgħu li kien sejjer jagħti ħafna aktar saħħa lill-Ġermanja.
Margaret Thatcher, il-Prim Ministu Ingliż kienet fuq quddiem nett sabiex tipprova tnaffar l-għaqda taż-żewġ Ġermanji. Francois Mitterrand, il-President Franċiż, kien ingħaqad ma’ Thatcher biex jipprova jnaffar l-għaqda bejn iż-żewġ Ġermanji, minkejja li kemm-il darba kien iddikjara li kien jemmen li din l-għaqda kienet inevitabbli.
Baqgħet tissemma’ dikjarazzjoni sarkastika tal-Prim Ministru Demokristjan tal-Italja, Giulio Andreotti, f’dan ir-rigward, fejn kien qal li “jien tant inħobb lill-Ġermanja li nippreferi jkun hemm tnejn flok waħda”. Ma’ dawn il-mexxejja Ewropej kienu ngħaqdu prattikament il-mexxejja kollha tal-bqija tal-pajjiżi tal-Ewropa, bl-eċċezzjoni tal-Prim Ministru Spanjol, Filipe Gonzales, li kien l-uniku mexxej Ewropew li kien imbotta kemm felaħ biex din l-għaqda isseħħ.
Jidher ukoll li anke l-Istati Uniti kellhom ċertu riservi fuq il-Ġermanja l-Ġdida. Henry Kissenger, li kien ħadem ma’ ħafna Presidenti Amerikani bħala konsulent fuq il-politika barranija, kien iddikjara li d-daqs tal-Ġermanja kien sejjer joħloq żbilanċ mhux biss fl-Ewropa imma anke f’dik li hija politika internazzjonali bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti.
Fil-fatt, Kissenger, li ta’ min jgħid li ġej minn familja Ġermaniża li kienet emigrat lejn l-Istati Uniti fi żmien il-qawmien tan-Nażismu minħabba li kienu Lhud, kien iddikjara li l-“Ġermanja l-Ġdida kienet sejra tkun kbira wisq fl-Ewropa u żgħira wisq fl-isfera mondjali”.
Storja ta’ suċċess
Ħadd ma jista’ jiċħad li l-istorja tal-Ġermanja Magħquda kienet waħda ta’ suċċess. L-ewwel suċċess kien dak li rnexxielhom jassorbu x-xokk ekonomiku li ġie meta f’daqqa waħda l-popolazzjoni kibret mil-lum għal għada bi 25%, naturalment meta ċ-ċittadini Ġermaniżi tal-Lvant saru dipendenti fuq l-ekonomija tal-Punent. Ma’ dan wieħed irid ifaħħar ukoll il-mod ta’ kif il-Ġermaniżi rnexxielhom jtaffu l-effetti ta’ snin twal ta’ indottrinazzjoni Komunista li kienu esposti għalih il-Ġermaniżi tal-Lvant għal kważi 50 sena.
Kienu wkoll 30 sena ta’ stabbiltà politika kif jixhed in-numru żgħir ta’ kanċillieri li mexxew lil dan il-pajjiż. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar tliet diċennji, il-Ġermanja kellha biss tliet mexxejja li kienu Helmut Kohl, Gerhald Schroder u naturalment Angela Merkel.
Is-suċċessi tal-Ġermanja Magħquda jkomplu jimirħu anke fl-ambitu tal-Unjoni Ewropea, bħala d-de factum mexxejja ta’ din l-għaqda. Id-direzzjoni tal-Ġermanja kienet strumentali biex ingħelbu numru kbir ta’ sfidi li ħabbtet wiċċha magħhom l-Ewropa, li fost oħrajn jinkludu l-kriżi ekonomika li oriġinat fl-Istati Uniti imma li nfirxet madwar id-dinja kollha fl-2007 u l-kriżi tal-munita Ewro li rat il-bidu tagħha fl-2010 u ssolviet wara sentejn.
Ma’ dawn wiehed jista’ wkoll iżid il-kriżi tal-immigrazzjoni llegali li bdiet fl-2015 li fiha Merkel fetħet beraħ il-bibien għal dawn in-nies li fil-maġġoranza assoluta tagħhom kienu ġejjin minn pajjiżi Iżlamiċi.
Kritika
Biex wieħed ikun oġġettiv, minħabba l-istigma li għandha l-Ġermanja assoċjata mal-atroċitajiet li wettqet fit-Tieni Gwerra Dinjija, hija żammet lura f’diversi oqsma tal-politika internazzjonali. Din iċ-ċertu bruda li rajna mill-Ġermanja forsi kellha l-oriġini tagħha fid-disperazzjoni li kellhom il-mexxejja Ġermaniżi biex jipprovaw li l-biża’ li kienu esprimew il-mexxejja Ewropej li l-Ġermanja kienet se teġa’ taqa’ fit-tentazzjoni eterna tagħha li tiddomina l-Ewropa, kif semmejna aktar ’il fuq, ma kinitx se timmaterjalizza ruħha.
Fost il-kritika li ħafna drabi sofriet il-politika internazzjonali Ġermaniża kien hemm dik rigward l-investiment tagħha f’tagħmir militari għaż-żamma tal-paċi internazzjonali, fi kliem ieħor l-investiment fl-armata tagħha, li huwa ħafna anqas mill-kwota ta’ 2% tal-Prodott Gross Domestiku li huwa mistenni mill-membri tan-NATO.
Kritika oħra li l-komunità internazzjonali indirizzat lejn il-politika ta’ Angela Merkel kienet rigward il-mod kontradittorju li qiegħda timxi l-kanċilliera fejn tidħol il-politika domestika vis-à-vis dik Ewropea. Fuq quddiem, hemm il-proġett infrastrutturali kbir magħruf bħala n-Nord Stream 2, li permezz tiegħu, l-Ġermanja sejra tkun tista’ tixtri l-gass mir-Russja ta’ Putin.
Dan żgur jistona bil-kbir mal-politika tal-Unjoni Ewropea li kemm-il darba kkritikat il-politika xejn diplomatika tar-Russja. Din id-diverġenza tidher aktar ċara meta wieħed iqis li l-Kostituzzjoni Ġermaniża tiddetta li l-politika Ġermaniża għandha tkun konformi ma’ dik Ewropea.
L-istess tip ta’ kritika kienet tirrigwarda deċiżjoni ta’ Merkel li tinnegozja mal-kumpanija Ċiniża tal-Huawei biex tixtri mingħandha t-teknoloġija tal-5G, minkejja li din il-kumpanija kienet akkużata minn xi pajjiżi tan-NATO li kienet qiegħda tuża din it-teknoloġija biex tispija fuq pajjiżi oħra f’isem il-Gvern Ċiniż.
Bżonn ta’ aktar inizjattiva
Mingħajr dubju ta’ xejn, taħt it-tmexxija ta’ Donald Trump rajna bidla kbira fir-rwol li konna mdorrijin naraw mill-Istati Uniti li kienet tagħmilha ta’ pulizija internazzjonali. Għalhekk, il-Ġermanja jeħtieġ li tinvesti aktar u fuq kollox tmexxi lill-Unjoni Ewropeja biex tonqos id-dipendenza tal-Ewropa fuq l-Istati Uniti rigward is-sigurtà internazzjonali.
Rwol ieħor li fih il-Ġermanja jeħtieġ li tieħu aktar ir-riedni f’idejha huwa l-immaniġġjar ekonomiku Ewropew. Diġà rajna sinjali tajbin f’dan ir-rigward permezz tal-ftehim li ntlaħaq f’Awwissu li għadda bejn il-pajjiżi Ewropej fuq pakkett finanzjarju ta’ kważi €800 miljun f’għajnuna minħabba l-pandemija.
Il-bidla fit-tmexxija tal-Ġermanja fix-xhur li ġejjin, wara li Merkel ilha x-xhur li ħabbret li se tkun qiegħda twarrab mix-xena politika, toffri tama ġdida li l-Ġermanja se tkun qiegħda tieħu rwol ġdid fil-politika internazzjonali.
Wieħed jassumi li l-politika Ġermaniża li rajna f’dawn l-aħħar 30 sena tista’ sserraħ ras il-midja internazzjonali li l-Ġermaniżi tgħallmu darba għal dejjem li l-politika li l-kbir jimponi fuq iż-żgħir saret xi ħaġa tal- passat, u għalhekk wasal iż-żmien li l-Ewropa tibbenefika li ħiliet maniġerjali uniċi li għandhom il-Ġermaniżi biex l-Ewropa terġa’ tqum fuq saqajha wara l-Covid-19 u fuq kollox biex l-Ewropa tkun aktar indipendenti mill-Istati Uniti.
Id-destin ried li dak li l-Ġermanja ma rnexxilhiex tikseb bil-forza se tiksbu b’mod naturali minħabba ċ-ċirkostanzi li qegħdin ngħixu fihom bħalissa.