Friday, December 13, 2024

“Il-Ġermanja aktarx li tiflaħ twaqqaf l-importazzjoni taż-żejt mir-Russja”

Aqra wkoll

Il-Ġermanja għadha mhix lesta li twaqqaf l-importazzjoni tal-gass mir-Russja, filwaqt li jidher illi tinsab f’pożizzjoni li tinnegozja ftehim sabiex titwaqqaf l-importazzjoni taż-żejt mir-Russja sal-aħħar ta’ din is-sena: “Irnexxielna naslu fi stadju fejn x’aktarx li l-Ġermanja se tkun tiflaħ twaqqaf l-importazzjoni taż-żejt mir-Russja”, qal il-Ministru għall-Ekonomija Ġermaniża, Robert Habeck. Però huwa ma naqasx milli jagħraf li din l-azzjoni se ġġib numru ta’ konsegwenzi wkoll.

F’dawn l-aħħar jiem, fi Brussell saru numru ta’ laqgħat bil-għan li jinstab rimedju dwar kif l-Unjoni Ewropea tista’ tinfatam mid-dipendenza li għandha fuq ir-Russja fejn tidħol il-provvista tal-enerġija. Il-Ministru għall-Ekonomija Ġermaniża, iktar kmieni qal li l-istati membri tal-Unjoni Ewropea għadhom ma waslux fi ftehim sabiex dan jidħol fis-seħħ.

L-Ungerija min-naħa tagħha diġà għamlitha ċara daqs il-kristall li hi tinsab kontra d-dħul ta’ miżura li twaqqaf l-importazzjoni tal-gass u ż-żejt mir-Russja. Min-naħa l-oħra, l-Ġermanja rnexxielha tnaqqas l-importazzjoni taż-żejt mir-Russja b’10% — minn 35% għal 25%. Però, hija għadha qed tipprova ssib fornituri alternattivi li jistgħu jipprovdu l-ammont ta’ żejt meħtieġ f’każ li l-Ġermanja tiddeċiedi li twaqqaf l-importazzjoni taż-żejt mir-Russja b’mod indefinit.

Ekonomija

Sport