Sunday, November 24, 2024

Il-Ġermanja jirbħu … iżda xorta jisfaw eliminati

Aqra wkoll

Costa Rica……………2

Ġermanja……………..4

F’partita mill-isbaħ li pproduċiet xejn inqas minn sitt goals, il-Ġermanja għelbu l-isfida ta’ Costa Rica bl-iskor ta’ 4-2, iżda xorta sfaw eliminati minħabba li Spanja li temmew daqshom b’erba’ punti fit-tieni post kellhom differenza ta’ goals aħjar.

Il-Ġermanja fetħu l-iskor fit-tmien minuta meta David Raum avvanza tajjeb fuq ix-xellug, xeħet cross lejn Serge Gnabry li kellu t-tentattiv tiegħu minn daqqa ta’ ras mill-viċin jintemm fir-rokna tax-xibka.

Huma komplew fuq l-offensiva u fl-14-il minuta Leon Goretzka għeleb in-nasba tal-offside u kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu minn pożizzjoni ideali tiġi salvata tajjeb mill-goalkeeper tal-Costa Rica, Keylor Navas.

Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Ġermaniżi u fl-34 minuta Joshua Kimmich kellu xutt mid-distanża li kważi qarraq għal kollox b’Navas li iżda salva b’diffikultá.

Il-Costa Rica wieġbu għall-ewwel darba fil-41 minuta meta Fuller approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża ta’ Raum, ġie wick imb’wiċċ mal-goalkeeper Ġermaniż Manuel Neuer iżda kellu t-tentattiv tiegħu mdawwar f’corner bi bravura mill-istess Neuer.

U jidhar li t-team talk tal-Costa Rica, Luis Fernando Suarez, ħalliet l-effett mixtieq hekk kif fil-ftuħ tat-tieni taqsima ħarġu ferm aggressivi u ta’ dan ġew ippremjati meta rnexxielhom iġibu l-iskor indaqs. Dan meta Fuller xeħet cross invitanti fil-kaxxa li sab lil Kendall Waston li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu salvata parzjalment minn Neuer, biex mir-rebound pront kien Yeltsin Tejeda li mill-viċin tefa’ ġewwa.

Huma komplew fuq l-offensiva u fis-70 minuta minn freekick ta’ Joel Campbell, huwa tefa’ cross twil fil-kaxxa, b’Waston b’daqqa ta’ ras lura jindirizza l-ballun lejn il-lasta, li ntemm għand Juan Pablo Vargas li mill-viċin tefa’ l-ballun wara Neuer.

Izda l-Costa Rica bilkemm kellhom ċans jifirħu għal dan il-goal li l-Ġermanja ma ġabux l-iskor indaqs tliet minuti biss wara, meta d-difiża tal-Costa Rica naqset li tikklerja l-ballun, Fullkrug għadda tajjeb lejn Kai Havertz li spara l-ballun fis-saqaf tax-xibka.

Il-Ġermanja komplew jiddettaw il-logħob u fil-85 minuta skorjaw il-goal tar-rebħa meta Serge Gnabry xeħet crss mil-lemin lil sab lil Kai Havertz li mill-viċin tefa’ ġewwa, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali.

Huma ssiġillaw ir-rebħa permezz tar-raba’ goal meta Joshua Kimmich għadda tajjeb lejn Leroy sane li min-naħa tiegħu niżżel il-ballun b’sidru lejn Niclas Fullkrug li mill-viċin tefa’ ġewwa, fejn għall-ewwel ir-referee Franċiża Steġhanie Frappart ħassret il-goal minħabba offside iżda mbagħad wara li kkonsultat mal-VAR, ikkonvalidat il-goal.

Costa Rica: Keylor Navas, Keysher Fuller (Jewison Bennette 74), Oscar Duarte, Kendall Waston, Juan Pablo Vargas, Bryan Oviedo, Joel Campbell, Celso Borges, Yeltsin Tejeda, Brandon Aguilera (Youstin Salas 46), Johan Venegas (Ronald Matarrita 74) Coach: Luis Fernando Suarez

Ġermanja: Manuel Neuer, Joshua Kimmich, Niklas Sule (Matthias Ginter 93), Antonio Ridiger, David Raum (Mario Gotze 67), Leon Goretzka (Lukas Klostermann 46), Ilkay Gundogan (Niclas Fullkrug 55), Leroy Sane, Jamal Musiala, Serge Gnabry, Thomas Muller (Kai Havertz 66) Coach: Hansi Flick

Referee: Stephanie Frappart (Franza)

Ammoniti: O. Duarte (KR)

Sport