Tuesday, December 24, 2024

Il-Ġermanja jkeċċu lill-coach Hansi Flick

Aqra wkoll

Il-manager tal-Ġermanja, Hansi Flick, tkeċċa mill-kariga tiegħu  wara l-umiljazzjoni tat-telfa 4-1 fil-partita ta’ ħbiberija kontra l-Ġappun. 

Junya Ito fetaħ l-iskor għall-Ġappun wara 11-il minuta, iżda l-attakkant ta’ Bayern Munich, Leroy Sane, kiseb id-draw għat-team ospitu. 

Madankollu Ayase Ueda reġa’ poġġa lill-Ġappun fil-vantaġġ f’nofs l-ewwel taqsima, fil-Volkswagen Arena, f’Wolfsburg.

Takuma Asano (90) u Ao Tanaka (92) mbagħad aċċertaw ir-reb­ħa għall-viżitaturi. 

Flick, l-eks coach ta’ Bayern Munich, rebaħ biss 12 mill-25 logħba tiegħu minn meta ħa post Joachim Loew, f’Awwissu 2021.

Il-Ġermanja tilfet ukoll 2-1 kontra l-Ġappun fit-Tazza tad-Dinja tal-2022 hekk kif naqsu milli jikkwalifikaw għall-Aħħar 16 … u rreġistraw biss tliet rebħiet mill-aħħar 12-il partita tagħhom – fuq l-Oman, Costa Rica  u l-Perú.

Sakemm jinstab is-suċċessur ta’ Flick, id-direttur sportiv tal-Ġermanja, Rudi Voeller, li nħatar fi Frar li għadda, se jassumi r-responsabbiltá tat-team.

Fi stqarrija, l-FA Ġermaniża qalet li din hija waħda mill-aktar deċiżjonijiet diffiċli li setgħet ħadet minħabba li tapprezza lil Flick bħala espert tal-football. Iżda s-suċċess sportiv huwa l-ogħla prijoritá. 

Il-Ġermanja – l-organizzaturi tal-Euro 2024 – għada se jilagħbu partita ta’ ħbiberija kontra Franza, f’Signal Iduna Park ta’ Dortmund.

Ekonomija

Sport