Tuesday, September 2, 2025

Il-Għargħur b’numru ta’ attivitajiet sportivi b’risq Puttinu Cares

Aqra wkoll

Bejn l-20 u t-28 ta’ Settembru li ġej, il-Kunsill Lokali tal-Għargħur se jorganizza t-tieni edizzjoni ta’ ‘Għargħur’s European Week of Sports 2025’ b’risq il-Fondazzjoni Puttinu Cares. 

Din l-attività, se tkun qed tara tmint ijiem u se tkopri numru attivitajiet b’diversi dixxiplini sportivi li jinkludu klassijiet taż-zumba, logħob tal-isnooker, pickleball, turnew tal-futbol, fost l-oħrajn. 

Dan bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport f’Malta u pajjiżna jissieħeb ma’ 40 pajjiż ieħor, bil-għan li tippromwovi stil ta’ ħajja aktar attiva lil miljuni ta’ persuni kemm fl-Ewropa kif ukoll wkoll f’pajjiżi lil hinn.  

Għal snin twal, Puttinu Cares, li twieldet fuq l-inizjattiva tal-mibki Dr Victor Calvagna u Rennie Zerafa, għenet lill-persuni li għandhom bżonn kura għall-kanċer, bla ma jkollhom iġorru l-piż ta’ spejjeż kbar biex imorru barra minn xtutna f’dan iż-żmien daqstant diffiċli.  

Is-Sindku Laburista Mariah Meli sostniet li wara s-suċċess tas-sena l-oħra f’din l-attività, kien xieraq li terġa ssir biex in-nies jingħaqdu flimkien għal għan nobbli permezz ta’ sports differenti. Dan fi sfond tal-ewwel edizzjoni tal-attività s-sena l-oħra li b’suċċess rat iktar minn 150 parteċipant jieħdu sehem u nġabru iktar minn elfejn ewro. 

“Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li emmnu u appoġġjaw l-idea tiegħi waqt li offrew li jgħinu b’mod volontarju biex jieħdu ħsieb il-preparamenti loġistiċi kollha”, kompliet tgħid is-Sindku.

Il-qofol ta’ din l-attività se jkun qed jintlaħaq fit-28 ta’ Settembru b’mixja ta’ 5 kilometri li tibda minn misraħ il-Għargħur. 

Is-Sindku Mariah Meli qalet “inħeġġeġ lil kulħadd jipparteċipa għal għan nobbli u fl-aħħar mill-aħħar kull persuna tieħu sehem f’xi dixxiplina sportiva li tinteressaha.” Hija rringrazzjat lill-membri tal-Kunsill tal-Għargħur u l-amministrazzjoni kif ukoll lill-isponsors biex din l-attività tista’ tkun waħda ta’ suċċess: BeActive – SportMalta, Visit Malta, Malta Football Association, Gharghur FC, Bertu’s Gym, Malta Pickleball, Warehouse, Logografix, Alpha Table Tennis Klabb Malta, Central Service Station fost oħrajn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport