Sunday, January 25, 2026

IL-ĠID KOMUNI QABEL KOLLOX

Aqra wkoll

Il-Kungress Nazzjonali tal-General Workers’ Union bagħat messaġġ ċar li l-moviment trejdunjonistiku f’pajjiżna jibqa’ pilastru fundamentali ta’ ġustizzja soċjali, demokrazija u dinjità fix-xogħol. Fi żmien fejn id-dinja tax-xogħol qiegħda tinbidel b’pass mgħaġġel, id-diskors ta’ għeluq tas-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja kien riflessjoni matura fuq dak li nkiseb u fuq kollox, dikjarazzjoni soda ta’ impenn lejn il-futur.

Il-kisbiet miksuba huma tanġibbli u konkreti. Ftehimiet kollettivi u settorjali wasslu biex eluf ta’ ħaddiema gawdew minn titjib sostanzjali fil-pagi u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Madankollu, il-messaġġ ewlieni kien li dan huwa biss parti minn viżjoni usa’ u aktar profonda li tqiegħed il-ġid komuni fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet u tal-ħidma tagħha.

Il-fatt li l-GWU hija l-akbar Unjin fil-pajjiż mhuwiex sempliċi numru, iżda responsabbiltà kbira. Il-vuċi tagħha tilħaq kull post tax-xogħol – minn żgħażagħ li qegħdin jibnu l-karriera tagħhom sa pensjonanti, minn ħaddiema Maltin sa dawk barranin, u dawk l-aktar vulnerabbli u sfruttati. Din hija Unjin li tagħti vuċi lil min spiss jibqa’ sieket u li tibni solidarjetà mhux biss fuq livell nazzjonali, iżda wkoll Ewropew u internazzjonali.

Ir-riformi li seħħew f’dawn l-aħħar snin fid-dinja tax-xogħol u fil-qasam soċjali ma kinux każwali. Dawn kienu frott ta’ djalogu soċjali serju u ta’ parteċipazzjoni attiva u responsabbli bħala msieħba soċjali. Il-GWU wriet li kapaċi tkun forza kostruttiva, li tressaq proposti konkreti u li tisma’ b’attenzjoni l-polz reali tal-ħaddiema.

Sinifikanti wkoll kienet il-pożizzjoni soda tal-GWU kontra l-abbuż tal-ħaddiema tal-pjattaforma u favur il-prinċipju fundamentali tal-ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur. Dawn huma battalji reali li jolqtu l-qalba tal-ġustizzja soċjali u l-ħajja ta’ eluf ta’ familji. Huma wkoll xhieda ta’ kemm il-GWU mhiex lesta tagħlaq għajnejha quddiem inġustizzji ġodda.

Ir-referenza għall-Viżjoni Malta 2050 tfakkarna li l-GWU dejjem ħarset ’il quddiem. Diġà fl-2008, b’din il-proposta, l-Unjin uriet li pajjiż mingħajr direzzjoni ċara ma jistax joffri sigurtà u stabbiltà lill-ħaddiema tiegħu. Illum, din il-viżjoni qiegħda tieħu forma, prova ta’ konsistenza u ta’ ħsieb fit-tul. Fl-istess waqt, kien hemm rikonoxximent onest li għad fadal ħafna xi jsir – il-liġi ta’ trasparenza, ir-right to disconnect, il-Works Regulation Orders u diversi ftehimiet kollettivi fost oħrajn. . Dan huwa sinjal ta’ moviment li ma jistrieħx fuq dak li nkiseb.

L-isfidi tal-futur f’dinja tax-xogħol li qiegħda tevolvi kontinwament huma kbar: nuqqas ta’ ħiliet, pressjoni teknoloġika, l-impatt tal-intelliġenza artifiċjali u riskji ġodda ta’ sfruttament. F’dan il-kuntest, nemmnu li l-enfasi tal-GWU fuq l-edukazzjoni bħala pedament tal-mobilità soċjali hija pożizzjoni korretta, responsabbli u meħtieġa.

Dan il-Kungress ikkonferma li l-GWU trid tibqa’ Unjin moderna, b’saħħitha u relevanti. Unjin li temmen fid-djalogu soċjali, fit-tiġdid u fir-responsabbiltà lejn il-ħaddiema u lejn il-pajjiż. Għax, meta l-ġid komuni jitpoġġa l-ewwel, jirbħu mhux biss il-ħaddiema, iżda Malta kollha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport