Friday, December 27, 2024

Il-ġid nazzjonali mistenni jikber bi 3.7% din is-sena

Aqra wkoll

Skont l-aħħar tbassir tal-Bank Ċentrali, il-ġid nazzjonali (Prodott Domestiku Gross), għakemm inqas mis-sena l-oħra, mistenni li jikber bi 3.7% din is-sena. Din ir-rata hi inqas minn dik ta’ ftit aktar minn 7% reġistrata fl-2022. Il-Bank Ċentrali qed ibassar ukoll li l-PDĠ  mistenni jonqos bi ftit, għal 3.6%, sal-2025.  

Skont l-analiżi tal-Bank, it-tnax-il xahar ta’ din is-sena, l-esportazzjoni netta mistennija li tkun il-kontributur ewlieni għat-tkabbir fil-PDG, filwaqt li d-domanda domestika mistennija li tnaqqas it-tkabbir minħabba tnaqqis previst fl-investiment. Dan it-tnaqqis previst isegwi tkabbir straordinarju fl-2022 li mhux mistenni jirrepeti ruħu dis-sena. Mill-2024, id-domanda domestika x’aktarx li tixpruna t-tkabbir. 

Iż-żieda fl-impjiegi mistennija li timmodera fil-perjodu tat-tbassir, filwaqt li l-pagi mistennija li jirpiljaw minħabba l-inflazzjoni relattivament għolja u suq tax-xogħol restrittiv. 

L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) mistennija li tkun fil-livell ta’ 5.9% din is-sena, tnaqqis marġinali ta’ 0.2% minn dak li kienet fl-2022.  

Fir-rigward tad-differenza bejn id-dħul u l-ħruġ tal-gvern ġenerali, il-Bank qed jassumi li deficit mistenni jonqos matul il-perjodu kollu tat-tbassir, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern fil-PDG mistenni li jitla’ bi ftit, u li jilħaq il-livell ta’ 54.7% sal-2025. 

Ir-riskji għall-attività ekonomika jxaqilbu lejn in-negattiv għall-2023 u mistennija li jkunu bbilanċjati minn hemm ’il quddiem, filwaqt li dawk għall-inflazzjoni għandhom ikunu bbilanċjati għall-perjodu kollu tat-tbassir. 

Min-naħa fiskali, ir-riskji huma negattivi b’żieda fl-iżbilanċ partikolarment fl-2023. Dawn jirriflettu prinċipalment miżuri addizzjonali ta’ appoġġ għall-Air Malta u nfiq ogħla milli mistenni fuq id-distribuzzjoni tal-elettriku u l-kumpens għall-qtugħ tad-dawl. 

Ekonomija

Sport