Ġiħadisti tal-Al-Shabaab, armati sa snienhom b’armi tan-nar u splussiv, daħlu bil-forza fil-bażi tal-Unjoni Afrikana ġewwa s-Somalja. Hemm żvolġa ġlied li fih mietu numru ta’ uffiċjali taż-żamma tal-paċi li kienu ġejjin mill-Burundi. Il-gvern Somalu flimkien mal-Unjoni Afrikana kkundannaw dan l-attakk terroristiku, filwaqt li ma qalux kemm kien hemm persuni li tilfu ħajjithom.
Min-naħa tiegħu, uffiċjal għoli fil-militar tal-Burundi meta kellem mal-aġenzija tal-aħbarijiet AFP qal li madwar 30 suldat tilfu ħajjithom filwaqt li kien hemm 22 oħra li sfaw feruti. Apparti hekk, skontu hemm numru ta’ persuni rrapportati nieqsa.
Il-militanti tal-Al-Shabaab ilhom iktar minn deċenju jwettqu attakki fuq żoni kkontrollati mill-gvern fraġli tas-Somalja. Min-naħa tagħhom huma refgħu r-responsabbiltà għal dan l-aħħar attakk u qalu li ħadu din iż-żona taħt idejhom u qatlu 173 suldat.