Monday, December 9, 2024

“Il-ġimgħa d-dieħla nissiġillaw il-ftehim kollettiv li se jagħti żidiet ġodda lill-ħaddiema kollha tas-settur pubbliku”- Il-PM

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li l-ġimgħa d-dieħla l-Gvern se jkun qed jissiġilla l-ftehim kollettiv li se jagħti żidiet ġodda lill-ħaddiema kollha tas-settur pubbliku. 

Meta kien qed jindirizza attività politika fl-Imsida, il-Prim Ministru spjega kif minn dan il-ftehim kollettiv se jibbenefikaw mat-33,000 ħaddiem tas-settur pubbliku, fosthom għalliema, infermiera, pulizija, u ħaddiema oħrajn li minbarra l-ftehim settorjali, se jieħdu t-tieni żieda b’saħħitha minn dan il-ftehim kollettiv.

Il-Prim Ministru ħabbar li se 11-il tomna ta’ Spencer Gardens se jiġu inawgurati biex itejbu l-arja fil-Marsa, post li qal qed issir reviżjoni tal-pjan lokali biex din il-lokalità ssir hub marittimu bil-għan li dan is-settur ikun b’saħħtu u jibqa’ jimxi ‘l quddiem.

Irrefera wkoll għall-inawgurazzjoni tal-iskola primarja tal-Imsida u qal li dan il-proġett juri l-investiment ta’ kwalità li qed isir mill-Gvern fit-tfal u l-edukaturi tagħna, iżda qal li l-bini ta’ din l-iskola jixhed ukoll kif għandhom isiru proġetti ta’ din ix-xorta, li jirrispettaw l-ambjent. 

Il-Prim Minsitru qal li l-proġett tal-Imsida Creek mistenni jibda fiż-żmien li ġej biex jiffoka fuq il-kwisjtoni tal-immaniġġjar tat-traffiku, iżda fl-istess waqt biex jinħolqu spazji miftuħa u ħodor għat-tgawdija tar-residenti ta’ din il-lokalità.  Sostna li l-Partit Nazzjonalista ħareġ kontra dan il-proġett, imma l-kunsilliera Nazzjonalisti kien favuru. 

Qal li mal-PN qatt ma taf fejn qiegħed, mhux biss fuq din il-kwistjoni, iżda wkoll fuq diversi affarijiet oħrajn inkonsistenti u kontradittorji, bħalma ġara fil-każ tas-Sigma, u wisq iktar fuq l-ekonomija u l-finanzi, tant li semma t-taħwid tal-Oppożizzjoni meta kienu qed jaħdmu fuq id-dokument ta’ qabel il-Budget u nstab li ma kienx hemm biżżejjed sustanza.

Il-Prim Ministru kkundanna l-aġir tal-Partit Nazzjonalista fil-konfront tal-Kummissarju Malti nominat Glenn Micallef, li xeħtuħ għand il-Pulizija biex jiġi investigat kriminalment.  Qal li l-Partit Nazzjonalista jrid iċappas lil Glenn Micallef qabel jingħata l-kariga fil-jiem li ġejjin, bil-Prim Ministru jgħid li se jiddefendi bis-saħħa kollha lill-Kummissarju Malti nominat.

Dwar il-Budget 2025, il-Prim Ministru spjega kif il-Partit Laburista fil-Gvern qed jadotta politika tal-inċentiv, u rrefera għal bosta miżuri, fosthom il-€140 miljun li se jibqgħu fi bwiet in-nies riżultat tat-tax cuts, iż-żieda fiċ-children’s allowance, u ż-żieda fil-pensjonijiet. 

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-Labour Migration Policy li se tindirizza l-ħaddiema barranin u qal li min jidħol jaħdem f’pajjiżna se jkun biss meħtieġ għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Spjega kif l-aqwa opportunitajiet fis-suq tax-xogħol se jibqgħu joħduhom il-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Il-Prim Minsitru sostna li mal-Partit Laburista kulħadd jaf fejn qiegħed, u se jibqa’ jaħdem fuq pedament ekonomiku u soċjali sostenibbli u reżiljenti bil-għan li t-tkabbir ekonomiku jasal għand kulħadd u jirrifletti fil-kwalità tal-ħajja tan-nies u l-ġustizzja soċjali.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport