Il-Ġmgħa l-Kbira hija ġurnata importanti fil-kalendarju Nisrani, osservata waqt il-Ġmgħa Mqaddsa fil-jum tal-ġimgħa qabel Ħadd il-Għid. Din tfakkar il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù Kristu fuq is-salib fuq il-għolja tal-kalvarju, avveniment ċentrali ħafna fil-fidi nisranija dwar il-fidwa u s-salvazzjoni tal-bnedmin.
Il-Ġmgħa l-Kbira, lil hinn mill-vestwarji rikki tal-vari u ta’ dawk li jieħdu sehem fil-purċissjoni, hija ġurnata ta’ dieqa u ta’ riflessjoni. L-insara madwar id-dinja jattendu servizzi speċjali fil-knisja b’qari mill-evanġelji li jirrakkontaw il-passjoni ta’ Ġsu Kristu, talb, sawm, u adorazzjoni tas-salib.
Għalkemm hija ġurnata ta’ niket, insejħula “Kbira” għax nemmnu li permezz tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġsu, irnexxielna niksbu t-tama u s-salvazzjoni. Hija wkoll gurnata biex naħsbu fuq is-sagrifiċċju ta’ Ġsu u fuq kif nistgħu nkunu aħjar ma’ xulxin.
Il-messaġġ tal-Ġmgħa l-Kbira m’għandux ikun biss f’dan il-jum imma matul il-jiem kollha tas-sena, jekk irridu verament naħsbu f’xulxin minflok ma nindirizzaw lil xulxin bi kliem dispreġġjattiv u li jweġġa’.
It-tifsira tal-Ġmgħa l-Kbira mhumiex il-vari jew il-purċissjonijiet biss. Filwaqt li dawn huma essenzjali li jibqgħu għaliex huma parti integrali mill-kultura u l-folklor tal-poplu tagħna, b’danakollu jeħtieġ li nieqfu u nirriflettu aħna wkoll x’qegħdin nagħmlu u xi stajna għamilna aħjar biex kull wieħed u waħda minna jirranġa fejn ikun żbalja.
Għalhekk ukoll ikun inutli li niċċaħħdu minn ċertu affarijiet jekk imbagħad, l-għada tal-Għid, nerġgħu nimlew qalbna bl-animożita għal xi ħadd li jkun qarasna. Nemmnu li dan jgħodd kemm għaċ-ċittadini u anke għall-politiċi.
Jekk irridu tassew l-għaqda nazzjonali, li kemm-il darba sħaqna dwarha, għandna nneħħu s-suppervja u naħdmu lkoll flimkien. Dan ifisser li dan il-messaġġ tal-Ġimgħa l-Kbira għandna nibqgħu nsostnuh, nkattruh u niftakruħ.
Aħna konvinti li bi ftit sforz, l-għaqda fost in-nies ta’ opinjonijiet differenti tista’ tintlaħaq u prova ta’ dan hija l-maratona u l-mixja b’risq Puttinu Cares f’Jum il-Ġmgħa l-Kbira, li huma vetrina ta’ kif in-nies għal mument jinsew id-differenzi ta’ bejniethom u jingħaqdu f’ġest ta’ solidarjeta’ ma’ dawk li nħakmu minn xi mard u għandhom bżonn l-appoġġ f’dan il-perjodu daqstant diffiċli f’ħajjithom.