Minn Cristian Muscat
“Il-ġinnastika għalija mhijiex biss sport anzi nqisha li hija parti minni.” Hekk tiddeskrivi ruħha Francesca Borg, Direttur Tekniku ta’ GymStars Malta, klabb li llum huwa sinonimu ma’ professjonalità, viżjoni u investiment serju fil-futur tal-ġinnastika f’Malta. Din il-gazzetta tkellmet ma’ Francesca fejn tatna aktar informazzjoni dwar il-ġinnastika f’Malta u l-livell għoli u l-progress li qed tilħaq.
Francesca bdiet il-vjaġġ tagħha fl-età ta’ erba’ snin, meta daħlet fil-ġinnastika bħala atleta żgħira. Minn dak il-mument, l-isport sar il-pedament ta’ ħajjitha. “Trabbejt fil-gym,” tgħid b’tbissima. Meta GymStars fetaħ fl-2003, hija kien għad għandha biss 13-il sena. Dak iż-żmien ma setgħetx timmaġina li snin wara kienet se tkun waħda mill-figuri ewlenin li jmexxu l-klabb lejn livelli internazzjonali.
Tul is-snin kien hemm mumenti ta’ dubju. “Kien hemm drabi fejn ħsibt li nimxi f’direzzjoni differenti,” tistqarr magħna. Iżda l-ġinnastika dejjem kienet il-forza li ġibditha lura. Illum, bħala Direttur Tekniku, l-għan tagħha huwa ċar: li t-tfal u ż-żgħażagħ li jidħlu fil-klabb ikollhom opportunitajiet aħjar minn dawk li kellha hi, u spazju fejn it-talent tagħhom jixgħel u jiġi apprezzat.
Ir-rwol tagħha mhuwiex wieħed simboliku. Huwa xogħol ta’ responsabbiltà kbira li jinvolvi ppjanar tekniku fit-tul, evalwazzjoni kontinwa tal-atleti u allinjament mal-ogħla standards internazzjonali. Barra minn hekk, Francesca hija “judge” internazzjonali mill-2009 u anke din hi kisba notevoli meta wieħed iqis li dak iż-żmien kellha biss 19-il sena. Kull ċiklu Olimpiku jeħtieġ li tiġġedded il-liċenzja tagħha, b’aġġornament kontinwu tal-kodiċi tal-punti u r-regolamenti. “Dan ifisser studju kontinwu u attenzjoni kbira għad-dettall,” tispjega. “Għal din ir-raġuni ma tistax tieqaf titgħallem.”
Fi ħdan il-klabb, taħdem id f’id ma’ Head Coach Nataliya Berehova, li tagħti pariri u tara sew il-progress tal-kowċis l-oħra. Francesca tieħu ħsieb l-istruttura teknika ġenerali u l-viżjoni strateġika. Madankollu, ix-xogħol tagħha jmur lil hinn mill-art tal-gym: jinvolvi komunikazzjoni mal-ġenituri, deċiżjonijiet sensittivi u ħafna drabi diffiċli, u bilanċ delikat bejn aspettattivi u realtajiet.
Dak li jiddistingwi lil GymStars huwa ċar: huwa l-ewwel u l-unika faċilita’ tal-ġinnastika fuq bażi full-time f’Malta, mifrux fuq madwar 1200 metru kwadru, mibni u żviluppat b’investiment dirett tal-klabb stess. “Minn kmieni fhimna li jekk ridna nagħtu opportunitajiet reali lill-atleti tagħna, ma stajniex nibqgħu niddependu fuq ħaddieħor,” tgħid Francesca. Din l-indipendenza tat lill-klabb kontroll sħiħ fuq il-kwalità tal-faċilitajiet, l-apparat u l-edukazzjoni offruta.
Il-viżjoni tagħhom ma tiqafx mal-ħitan tal-faċilità. GymStars jorganizza kampijiet ta’ taħriġ internazzjonali u kompetizzjonijiet kemm f’Malta kif ukoll barra minnha. Dan kien pass strateġiku biex jinħolqu opportunitajiet interni u ma jibqgħux jiddependu biss fuq stediniet jew inizjattivi esterni. Il-klabb illum jattira ġinnasti mhux biss Maltin iżda wkoll internazzjonali, u joffri pjattaforma ta’ livell għoli fejn l-iżvilupp ikun kontinwu.
Meta titkellem dwar il-livell tal-ġinnastika f’Malta, Francesca ma taħsibhiex darbtejn.
“Malta hija gżira żgħira, iżda dan qatt ma kien limitu.” Hija tħares lejn il-fatt li atleti Maltin ipparteċipaw f’avvenimenti bħal-Logħob tal-Commonwealth, il-Kampjonati Ewropej u l-Kampjonati Dinjija bħala prova li l-potenzjal hemm. L-ambizzjoni lejn LA 2028 mhijiex ħolma romantika, iżda mira li tista’ tintlaħaq b’viżjoni, struttura u paċenzja.
Iżda f’dan kollu, Francesca tpoġġi enfasi qawwija fuq il-bilanċ bejn prestazzjoni u benesseri mentali. GymStars investa f’Welfare Officer u psikologa sportiva, Sana Grillo, eks-ġinnasta li tifhem ir-realtà tal-isport minn ġewwa. “Prestazzjoni sostenibbli ma tistax teżisti mingħajr saħħa mentali,” tgħid b’ċertezza. Dan l-investiment ma sarx biss għall-atleti, iżda wkoll għall-kowċis – għax ambjent sigur u professjonali jibbenefika lil kulħadd.
Madankollu, il-mixja mhijiex bla sfidi. “Li tkun Direttur Tekniku mhuwiex dejjem ward u żahar,” tgħid b’onestà. F’pajjiż żgħir fejn kulħadd jaf lil kulħadd, kull deċiżjoni tiġi analizzata. Riżorsi limitati u aspettattivi għoljin huma parti mir-realtà ta’ kuljum. Hemm ukoll il-ħtieġa kostanti li jinżammu standards internazzjonali, minkejja ċ-ċokon tas-suq u l-limitazzjonijiet finanzjarji.
Xorta waħda, Francesca tibqa’ ffukata fuq il-valuri li trid tgħaddi lit-tfal u ż-żgħażagħ bħalma huma dixxiplina, resiljenza, rispett, konsistenza u kunfidenza fihom infushom.
Għaliha, il-ġinnastika hija mezz biex jinbnew individwi b’saħħithom mentalment u emozzjonalment. “Mhux biss qed inħarrġu atleti,” tgħid. “Qed nibnu persuni.”
L-aktar mumenti li jibqgħu f’qalbha mhumiex neċessarjament midalji jew klassifiki. Huma dawk il-mumenti fejn tara tifel jew tifla jegħlbu biża’, jilħqu mira li qabel dehret impossibbli, jew sempliċement jemmnu fihom infushom. “Dawk huma l-mumenti li jfakkruni għaliex għadni hawn,” tgħid b’emozzjoni sottili.
Fl-istorja ta’ Francesca Borg naraw taħlita ta’ passjoni, determinazzjoni u viżjoni ċara. Hija ma tarax lilha nfisha bħala figura ta’ poter, iżda bħala parti minn ekosistema li trid tikber u tissaħħaħ. B’għajnejha dejjem fuq l-istandards internazzjonali u qalbha fil-ġinnastika Maltija, hija qed tmexxi lil GymStars lejn futur fejn il-kelma “żgħira” ma tibqax sinonima ma’ limitu iżda ma’ potenzjal li qed jistenna li jissawwar dejjem aktar.

