Friday, May 30, 2025

Il-ġinnastika hu sport li jagħtik saħħa, dixxiplina u kunfidenza fik innifsek – Maya Dibben

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet limħabba tiegħek lejn il-ġinnastika?

Għalkemm kull ma’ għandi huma tmien snin, familti dejjem esponuni għal sports differenti. Madanakollu, minħabba li oħti ukoll tipprattika l-ġinnastika kont esposta ħafna iktar għal dan l-isport. Minn dejjem kont nitgħaxxaq nara l-movimenti tant diffiċli imma magħmula f’tant imħabba u dedikazzjoni. Jien tifla li nħobb l-isfidi, u f’dan l-isport sibt ħafna.   Meta nsegwi l-Olimpijadi fil-ġinnastika, inħossni eċċitata ħafna! Qalbi tibda tħabbat mija mija u għajnejja jibqgħu mwaħħlin mal-iskrin. Inħossni ispirata narahom b’tant eleganza u saħħa. Kultant nimmagina lili nnifsi hemm bħall-aqwa champions. Inħossni qrib tagħhom għax jgħallmuni li b’ħafna xogħol u passjoni, kollox hu possibbli. Il-ġinnasti fl-Olimpjadi jagħtuni ħolma – li xi darba, forsi nkun jien hemm ukoll!

X’suċċessi maġġuri rnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek sa issa, għalkemm għadek ta’ etá żgħira?

Bħala atleta nħossni kuntenta ferm li ninsab bi squad team tajjeb. Ħadt sehem f’diversi kompetizzjonijiet Nazzjonali u Internazzjonali li jsiru mill-federazzjoni tal-ġinnastika, flimkien ma’ diversi klabbs Maltin, imħejjija ġewwa Malta. F’dawn it-tip ta’ kompetizzjonijiet ikun hemm kollaborazzjoni ma’ diversi pajjiżi kbar bħal l’Afrika t’Isfel, Renju Unit, Spanja, l-Italja u l-Olanda. Ksibt diversi riżultati positivi fejn ħadt mill-ewwel sat-tielet post u anke għandi rebħiet fejn ħadt b’mod ġenerali ukoll. Fadalli ħafna x’nitgħallem u ntejjeb imma inħossni kburija bil-progress li qed nagħmel. Grazzi għat-taħriġ kontinwu, l-appoġġ u l-opportunitajiet li qed jingħatawli anke mill-klabb tiegħi GymStars. Qed nikber mhux biss bħala atleta iżda wkoll bħala persuna. Permezz ta’ dawn l-esperjenzi, qed niltaqa’ ma’ nies ġodda li qed jgħinuni nibni ħbiberiji sodi u niżviluppa aħjar it-talenti tiegħi. Dan kollu jagħtini aktar motivazzjoni biex inkompli naħdem iebes.

Kif tqis illivell talinnastika fpajjiżna filpreżent?

Il-livell tal-ġinnastika f’Malta dejjem kien tajjeb imma bħalissa forsi hawn iktar opportunitajiet u jien ninsab eċċitata immens għal dan! Hemm ħafna klabbs tajbin li jgħallmu tfal minn età żgħira u jgħinuna nsiru aħjar fil-ġinnastika. Il-kowċis jgħallmu b’mod sigur u pjaċevoli. Il-ġinnasti Maltin qed jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet internazzjonali u anke jirbħu medalji! Dawn huma ta’ ispirazzjoni għal isportivi kollha. Dan juri kemm il-ġinnastika f’Malta qed tikber u ssir aktar magħrufa.

Minkejja dan, għad hemm bosta sfidi. Ħafna ġinnasti f’Malta jittrenjaw f’gymnasiums żgħar li m’għandhomx l-apparat kollu li ssib f’pajjiżi oħra. Dan jagħmilha iktar diffiċli biex jipprattikaw fuq livelli ogħla. Il-ġinnastika trid ħafna investiment f’taħriġ u vjaġġi għal kompetizzjonijiet barra minn Malta. Ħafna familji iridu jagħmlu sagrifiċċji biex jgħinu lill-ġinnasti. Għalkemm hemm xi kompetizzjonijiet f’Malta, mhumiex daqs kemm hemm f’pajjiżi akbar. Dan jagħmilha iktar diffiċli biex il-ġinnasti jkollhom esperjenza regolari f’ambjenti kompetittivi. Ġinnasti ħafna drabi jridu jibbilanċjaw l-istudju mal-ħin twil li jqattgħu jittrenjaw. Dan jista’ jkun stressanti u jaffettwa l-motivazzjoni tagħhom.

Minkejja dawn l-isfidi, ħafna ġinnasti Maltin jibqgħu motivati u b’saħħithom. Il-futur tal-ġinnastika f’Malta jidher sabiħ u jien ħerqana li nkun parti minnu!

Kif tipprepara qabel kompetizzjoni?

Qabel kompetizzjoni tal-ġinnastika, importanti li tistrieħ sew u tiekol ikel bnin u b’saħħtu. Ħu ħin biex tipprattika r-rutina tiegħek u tiftakar il-movimenti kollha. Dan biex b’hekk tiprova jkollok punteġġ ogħla, mhux neċessarjament rebħa. Nipprova nimmaġina lili innifsi nagħmel ir-rutina b’suċċess. Inħejji l-affarijiet minn qabel, bħal il-leotard, grips u bott ilma. U l-aktar ħaġa importanti – gawdi l-esperjenza u kun kburi bik innifsek!

Min hi l-ġinnasta li tispirak l-iktar?

Naħseb diffiċli ħafna li nagħżel waħda biss. Simone Biles, Suni Lee u Jordan Chiles huma l-aktar tlieta li jispirawni. Simone Biles tispirani għax hi b’saħħita ħafna u tagħmel movimenti li ħaddieħor lanqas jipprova! Hija turina li b’ħidma u kuraġġ nistgħu niksbu dak li rridu. Suni Lee tagħmel il-bars b’mod sabiħ u eleganti, u anke meta kellha mumenti diffiċli baqgħet taħdem u rebħet fid-Olimpjadi. Jordan Chiles hija togħġobni fil-floor u vault. Kienet magħżula bħala waħda mill-‘Women of the Year’ ta’ Time fil-2025. Dejjem nibqa’ impressjonata bil-mod kif tiċċaqlaq b’kontroll u stil perfett. Dawn il-ġinnasti kollha jgħallmuna li rridu nemmnu fina nfusna, ma naqgħux qalbna, u dejjem nagħtu l-aħjar tagħna.

Kif qed tħares lejn ilfutur tiegħek fil-ġinnastika?

Il-futur tiegħi fil-ġinnastika inħossnu mimli tama u ħolm. Naf li hemm ħafna sfidi, kultant l-eżerċizzji jkunu diffiċli, jew nħossni għajjiena, imma jien motivata u determinata li nibqa’ nirsisti. Kull sfida hi opportunità biex insir iktar b’saħħti u kuraġġuża. Niprova ma nħallix id-diffikultajiet iwaqqfuni, għax naf li b’xogħol iebes, sapport mill-familja u kowcis nista’ nasal fejn nixtieq.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l ġinnastika.

Tibżax tipprova! Il-ġinnastika hu sport li jagħtik saħħa, dixxiplina u kunfidenza fik innifsek. Ma jimpurtax kemm tiżbalja jew jekk taqax f’kollox. L-importanti d-determinazzjoni li tqum u tipprova mill-ġdid. Oħlom kbir u ftakar li kull champion jibda bħalek – b’pass wieħed kuraġġuż! Inti tista’ tkun il-ġinnasta li tispira lil ħaddieħor!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport