Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Meta kont fi żmien l-iskola jiena qatt ma kont xi waħda akkanita tal-isport. Infatti, dejjem kont niprova nevita nipparteċipa fl-isports day u anka meta stajt, fil-lezzjoni tal-PE. Peró, dejjem kien hemm xi ħaġa li kienet tolqotni fil-ġiri, imma qatt ma prattikajtu. Meta bdejt nikber, bdejt nipprova nżomm ruħi attiva billi nattendi l-gym.
Fi żmien il-pandemija tal-Covid-19, imbagħad kelli mmur għal miżuri oħra u hemmhekk kien iż-żmien fejn bdejt niġri ftit, peró qatt ma kien jirnexxieli nżomm il-pass biex inlesti 5km sħiħa. Fl-2022 iddeċidejt li nagħmel lifestyle change u niffoka iktar fuq saħħti u hemmhekk huwa fejn bdejt nieħu l-ġiri iktar bis-serjetá, b’konsistenza u determinazzjoni.
Ma kinitx faċli biex nibda nżomm konsistenti fil-pass, kif ukoll biex inżid id-distanza, peró fl-istess sena li bdejt nagħti l-ġiri iktar importanza, wara ftit xhur ipparteċipajt fl-ewwel race tiegħi, dik ta’ 10km u kif ukoll fl-Imdina to Spinola. L-adrenaline rush li tħoss meta tipparteċipa f’tellieqa u meta tibda tara r-riżultat tat-taħriġ, jagħtuk aktar kuraġġ biex ta’ kuljum għalkemm forsi ma tkunx daqshekk motivata, tagħmel mezz u xorta waħda tagħmel dak li għandek ippjanat mill-kowċ.
Il-ġiri infatti għenni nemmen iktar fija nnifsi, li jien kapaċi u għenni nkun iktar persuna b’saħħti mentalment, speċjalment fi żminijiet fejn tibda tiddubita ħafna lilek innifsek.
Illum il-ġurnata, il-kowċ u l-għarus tiegħi Brian Casingena, jiggwidani ħafna bil-plans tiegħu u bil-pariri. Barra minn hekk jissapportjani dejjem biex insir aħjar, infatti bis-saħħa tiegħu illum il-ġurnata għandi ċerti ħinijiet. Imbagħad fl-2023 flimkien ma’ Brian Casingena ftaħna s-Sirens Running Club, biex nagħqdu komunitá fejn ninkoraġġixxu lil iktar nies, ta’ kull livell, biex jibdew il-ġiri.
X’suċċessi maġġuri rnexxielek tikseb sa issa f’dan l isport li tant tħobb?
Sal-lum il-ġurnata, waħda mill-isbaħ esperjenzi riċenti tiegħi fl-atletika hija li pparteċipajt għall-ewwel darba f’tellieqa barra minn Malta – Il-Wizz Air Half Marathon ġewwa Ruma. Kienet esperjenza fejn tatni iktar kuraġġ biex nemmen fija nnifsi għax ma kienetx tellieqa faċli, pero rnexxili nikseb l-aqwa ħin tiegħi fid-distanza ta’ nofs maratona, dak ta’ 1:36:56. Barra minn hekk f’dawn l-aħħar xahrejn irnexxieli wkoll nikseb l-aqwa ħinijiet tiegħi fil-5k (21:06) u fit-10km (44:07). Bis-saħħa ta’ dawn ir-riżultati, qiegħda parzjalment mal-ewwel għaxar nisa fil-Eurosport Hall of Fame tal-Malta Marathon Races.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Hawn Malta għandna livell għoli ħafna li sfortunament xi kultant ma jingħatax daqshekk importanza għax il-focus maġġur tal-isport ġewwa pajjiżna huwa l-futbol. Sfortunament ukoll, l-atleti kbar ġewwa Malta ma jingħatawx riżorsi finanzjarji biżżejjed meta kkomparat ma’ dawk barranin biex ikunu jistgħu jiksbu livell aktar għoli. Fuq dan l-aspett l-atleti kbar Maltin għandhom jiġu iktar rispettati u apprezzati.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Meta niġu għal riżorsi fejn nitħarrġu, fl-opinjoni tiegħi għandna fejn naqdfu. L-atleti jridu jiġru f’toroq fejn huma perikolużi u traffikużi fejn huma riskju kbir għall-inċidenti u kif ukoll mhux tajjeb għas-saħħa minħabba d-dħaħen mill-karozzi. Għalhekk flok nagħmlu ġid għal saħħitna billi nżommu attivi, inkunu qed nagħmlu iktar ħsara. Anka rigward trakki tal-ġiri, limitati ħafna. Hawn spazji pubbliċi fejn jistgħu jiġu rinovati għal dawn il-faċilitajiet u jkunu aċċessibli għal kulħadd, peró qatt ma jsir xejn. Minħabba f’hekk ir-rata tal-obeżita f’pajjiżna tibqa’ tiżdied. Rigward il-kompetizzjonijiet naħseb li għandna biżżejjed u hawn xelta kbira. L-unika ħaġa meta niġu għal dawn l-avvenimenti ġewwa pajjiżna huwa n-nuqqas ta’ rispett mill-pubbliku minħabba li jinalqu ċertu toroq u xi kultant biex it-toroq ma jinalqux ħalli ma jinħoloqx kaos, l-atleti jkunu fil-periklu għax ikollhom jiġru fit-toroq mall-karozzi.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Il-viżjoni tiegħi hija li nibqa’ naħdem biex intejjeb il-ħinijiet tiegħi billi nkun dejjem konsitenti, anka jekk mhux motivata, għax ir-riżultati mbagħad jidrhu fil-kompetizzjonijiet. Barra minn hekk fil-futur nixtieq ukoll illi nagħmel maratona sħiħa u forsi anke distanzi itwal.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Xi ħaġa li dejjem inżomm f’moħħi hija minn fejn bdejt jiena, u hekk inħeġġeġ lil dak li jkun biex jieħu l-ewwel pass li jilbes dak il-żarbun tal-ġiri u qatt ma jaqta’ qalbu. Importanti wkoll li ma tikkomparax ruħek ma’ ħaddieħor għax kulħadd jinsab miexi l-vjaġġ tiegħu. Fl-aħħar mill-aħħar ma jistax jirbaħ kulħadd, allura l-ġiri huwa dejjem kompetizzjoni miegħek innifsek biex dejjem taħdem fuqek innifsek ħalli dejjem ikollok ħinijiet aħjar!
Kif jgħidu wkoll bl-Ingliż: “No pain, no gain” jiġifieri meta tibda tħoss li qed tbati jfisser li qed tagħmel l-almu tiegħek u għandek tibqa’ miexi ‘l quddiem. Hemmhekk fejn tidħol kemm inti b’saħħtek mentalment, għaliex il-ġiri huwa kemm fiżikali, imma parti kbira huwa mentali għax xi kultant il-moħħ jgħejja qabel il-ġisem. Barra minn hekk meta tbati minn xi injury trid tkun b’saħħtek ħalli ma tħallihiex taffettwak ħażin mentalment.

