Wednesday, November 12, 2025

‘Il-ġisem jista’ jinbena bil-ħadid, imma l-mentalità ta’ rebbieħ titwieled bid-determinazzjoni u l-umiltà’ – Graziella Debono

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-bodybuilding?

Kien proprju sentejn ilu meta ddeċidejt li nikkompeti fil-konkors tas-sbuħija Miss World Malta. Parti mill-preparamenti għas-serata finali kienet tinvolvi xhur ta’ taħriġ intens u dieta bilanċjata taħt gwida professjonali. Din it-trasformazzjoni fiżika, flimkien mal-premju li rbaħt għall-Aqwa Dehra Fiżika fost il-kontestanti kollha, qanqlet fija x-xewqa li nkompli nibni fuq dan l-unur b’attitudni aktar professjonali u fuq livell ogħla.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa bħala atleta? 

Propju f’din is-sena, l-2025, għamilt id-debutt tiegħi fil-Federazzjoni Nazzjonali tal-Bodybuilding, fejn irnexxieli nikseb it-tieni post kemm fil-kategorija tal-Beginners kif ukoll fil-kategorija Open tal-Bikini. Għamilt ukoll l-ewwel dehra tiegħi fuq stadju internazzjonali fl-IFBB Mediterranean Championship fejn irnexxieli nikseb it-tielet post fil-kategorija tal-Beginners Bikini.

Kif tqis il-livell tal-bodybuilding f’pajjiżna fil preżent?

Atleti Maltin qed jagħmlu unur lil pajjiżna barra minn xtutna, u dan juri biċ-ċar kemm il-livell kompetittiv qed jogħla sena wara sena.

U dak tar-riżorsi fejn intom l-atleti titħarrgu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Bħal kull sport ieħor, hemm bżonn ta’ ħafna riżorsi finanzjarji sabiex wieħed ikun jista’ jilħaq livell għoli u jipprepara bl-aħjar mod possibbli. Nemmen li għad hemm lok għal titjib, u li għandhom jiġu offruti aktar sussidji, sponsors, u struttura b’saħħitha biex jinkoraġġixxu lil dawk li għandhom din ix-xewqa sabiex jibdew jipprattikaw dan l-isport u, eventwalment, jaslu biex jikkompetu b’suċċess.

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent? 

L-isport tal-bodybuilding qed jiġi rikonoxxut mhux biss bħala wirja estetika imma bħala lifestyle ta’ saħħa, dedikazzjoni, u sagrifiċċju.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-bodybuikding? 

Nemmen li, bħala atleta, dejjem hemm fuq xiex tkompli taħdem u tibni fuq dak it-tajjeb li ksibt s’issa, sabiex tkompli ttejjeb il-livell tiegħek u tipprepara għal dehra aktar b’saħħitha u ta’ livell ogħla fix-xhur li ġejjin.

Ghaddi messaġġ finali lil min jixtieq jaghmel karriera ta’ suċċess fil bodybuilding. 

Il-bodybuilding mhuwiex biss dwar il-muskolu jew il-palk, imma dwar id-dixxiplina, is-sagrifiċċju, u l-passjoni li tpoġġi f’kull jum. Kull sessjoni ta’ taħriġ, kull ikla kkalkolata, kull lejl ta’ mistrieħ tajjeb huma kollha passi eqreb lejn l-aqwa verżjoni tiegħek.

Tibżax tiffoka fuqek innifsek, tgħix b’konsistenza, u tgħallem ħobb il-proċess. Il-ġisem jista’ jinbena bil-ħadid, imma l-mentalità ta’ rebbieħ titwieled bid-determinazzjoni u l-umiltà!

Żomm f’moħħok li is-suċċess ma jiġix bil-fortuna, iżda bil-ħidma bla waqfien. U jekk tkompli tgħaddi kull limitazzjoni li ssib quddiemek, mhux biss issir bodybuilder imma eżempju ta’ saħħa, kuraġġ u dixxiplina għal kull min iħares lejk.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport