Wednesday, July 30, 2025

“Il-ġisem ta’ mara għandu jkun ta’ iktar valur mill-flus” … illum il-Jum Internazzjonali Kontra t-Traffikar Uman

Aqra wkoll

Cecilia, Amanda u Roberta huma tliet tfajliet li ġew f’Malta b’ħolma. Il-ħolma ta’ studju, xogħol u familja. Ħarsu lejn pajjiżna b’mod li jgħixu ħajja diċenti u jibnu futur għalihom u għal dawk li huma l-aktar qrib tagħhom.

Minflok, sabu min jabbuża minnhom. Minn xogħol diċenti u ta’ dinjità, sabu lilhom infushom fl-industrija tas-sess, fejn mara tiġi abbużata, sfurzata tbiegħ ġisimha u titħallas ftit wisq tas-servizzi li tagħti lill-klijenti, kemm irġiel kif ukoll nisa. It-tfajliet iffaċjaw diversi ostakli ta’ persuni li approfittaw mill-vulnerabiltajiet tagħhom. It-tliet tfajliet tkellmu ma’ Mark Attard, uffiċjal fid-Dipartiment tal-Marketing u Komunikazzjoni tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali u fetħu qalbhom biex ikunu ta’ kuraġġ għal ħaddieħor.   

“Il-ħolma tiegħi kienet li nsir perit. Xtaqt xogħol stabbli biex nipprovdi stabbilità għal familja tiegħi,” qaltilna Cecilia. 

Cecilia rrakkontat kif minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tal-familja tagħha kellha tieqaf mill-istudji. Hi tkellmet dwar kif tħossha responsabbli li tieħu ħsieb lil ommha biex tkun tista’ tħallas għall-kura tagħha. 

“Ma tawnix alternattiva oħra ħlief li naħdem fl-industrija sesswali, bil-perikli kollha abbinati ma’ dan ix-xogħol.  Qatt ma kont ikkunsidrajt dan it-tip ta’ xogħol f’ħajti,” tgħid Cecilia.   

Amanda kellha ħolma oħra. Xtaqet ikollha negozju tagħha iżda d-dinja ħażina tal-kriminalità ma ħallitiex.  

“Il-ħolma tiegħi kienet li nistudja u jkolli xogħol tajjeb jew negozju. Xtaqt nipprovdi stabbilità lill-familja. Iltqajt ma’ nies ħżiena u ħajti ħadet xejra differenti. Din l-esperjenza kerha kissritni mentalment,” qaltilna Amanda. 

Minkejja li t-tfajliet m’għadhomx taħt il-kontroll tat-traffikanti, huma għad għandhom diversi biżgħat u diffikultajiet. Fost il-biżgħat isemmu d-dubju li qatt mhu se jkollhom futur, li mentalment kuljum jaħsbu dwar dak li għaddew minnu u kif se jsibu xogħol stabbli biex jieħdu ħsieb lill-persuni qrib tagħhom. 

Roberta tkellmet ukoll dwar id-diffikultajiet ta’ din l-esperjenza. Hi qalet li minħabba li kienet iffukatha fuq kif se jkollha flus biżżejjed biex tmantni lilha nnifisha, moħħha ma setgħax jaħseb sew.  

“Il-ħolma tiegħi kienet li nsir veterinarju jew Avukat. Din l-esperjenza għinitni nirrifletti li s-sigurtà hi iktar importanti mill-flus. Il-ġisem ta’ mara għandu jkun ta’ iktar valur mill-flus. Kultant issib persuni li taħseb li se jgħinuk iżda jkunu aktar interessati kif se jiggwadanjaw minn fuqek,” tgħid Roberta.   

Roberta tgħid li minn ta’ età żgħira kienet spiċċat abbandunata mill-familja.  

“Kelli ngħix waħdi, mingħajr appoġġ u gwida. Insejt il-ħolm tiegħi għax kellhi niffaċċja r-realtà u nissielet mal-ħajja,” kompliet tgħid.  

It-30 ta’ Lulju hu l-Jum Internazzjonali Kontra t-Traffikar Uman u jkun xieraq li niftakru f’Cecilia, f’Amanda u f’Roberta u persuni oħrajn, li bħalhom, tqiesu qishom oġġett u ġew użati biex isir gwadann minn fuqhom mingħajr ebda drittijiet.  

It-tliet tfajliet jibqgħu joħolmu fit-tajjeb u fis-sewwa. Joħolmu li jagħmlu futur għalihom u għal dawk l-aktar viċin tagħhom f’ħajjithom.

Cecilia toħlom li ssib xogħol f’Malta biex tkun tista tmantni lill-familja tagħha. Hi tixtieq titgħallem kif tipproteġi lilha nnifisha mill-abbużi. Hi tixtieq tfaddal biżżejjed flus biex tixtri dar fil-kampanja, fejn hi u l-familja tagħha jkollhom serħan tal-moħħ.

Amanda baqgħet toħlom li jkollha negozju żgħir u dar fejn tgħix mal-familja tagħha. Fuq kollox, tixtieq li jkollha s-saħħa biex tieħu ħsieb lil uliedha biex ma jkollhomx jiffaċċjaw s-sitwazzjoni li għaddiet minnha.

Roberta tixtieq terġa’ tibda tistudja. Tixtieq taħdem bħala ġurnalista u tikteb fuq l-esperjenza tagħha biex toħloq għarfien dwar it-traffikar uman u kif tfajliet żgħar bħalha għandhom jipproteġu lilhom infushom.   

Dawn huma wħud mill-istejjer reali ta’ vittmi tat-traffikar uman li  professjonisti li jaħdmu f’dan is-servizz fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ iltaqgħu magħhom. 

Dan is-servizz għadu kif nieda proġett kofinanzjat mill-Asylum, Migration and Intergration Fund (AMIF) biex ikun jista’ jipprovdi iktar appoġġ u għajnuna lill-vittmi filwaqt li jqajjem iktar għarfien dwar it-traffikar uman.  

Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-paġna tal-Facebook, New Beginnings.   

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport