Wara 72 sena ta’ ħidma fil-gżira Għawdex, l-Patrijiet tal-Ġiżwiti se jkunu qegħdin iħallu d-Dar tal-Irtiri Manresa li għal dawn is-snin kollha kienet titmexxha minnhom fost l-oħrajn għal irtiri.
Kien is-Sibt 15 ta’ Novembru meta -Isqof Anton Teuma ċċelebra quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-Kappella tad-Dar, li għaliha attendew membri tal-Kumpanija ta’ Ġesù flimkien ma’ Fr Ronny Alessio, is-Superjur tal-Provinċja Ewro-Mediterranja li minnha jagħmlu parti l-Gżejjer Maltin.
Fr Alessio waqt l-istess quddiesa qal li din hija ġurnata ta’ diqa għall-Provinċja kollha, iżda fl-istess waqt ta’ gratitudni kbira għal tant ġid li ħareġ minn din id-Dar tul dawn is-snin kollha.
Minkejja li l-Giżwiti ilhom f’Dar Manresa għal dawn l-aħħar 72 sena, dawn il-patrijiet kienu ġew Għawdex ferm qabel hekk kif l-1866, sentejn wara li twaqqfet id-Djoċesi ta’ Għawdex, l-Isqof ta’ dak iż-żmien kien talab lill-Ġiżwiti Sqallin, li kienu għadhom kif tkeċċew minn Palermo, biex jieħdu ħsieb il-formazzjoni fis-Seminarju tiegħu.
Intant, waqt l-omelija tiegħu l-Isqof Anton Teuma qal li l-Liturġija tal-Kelma tista’ tixħet dawl fuq dan il-mument li fih komunità reliġjuża qed tagħlaq il-bibien tagħha f’Għawdex.
B’riferiment għall-Vanġelu, hu kkummenta kif it-Tempju ta’ Ġerusalemm kien wieħed mill-għeġubijiet tad-dinja, tant li l-istoriku Ġużeppi Flavju kien jgħid li mid-deżert ta’ Ġuda kien jidher qisu ċappa kbira ta’ deheb li f’nofsinhar tant tixgħel li ma kontx tista’ tħares lejh.
It-Tempju beda jinbena 20 sena qabel Kristu u spiċċa madwar 60 sena wara Kristu, imma wara ftit snin li ntemmet il-binja, ir-Rumani kissruh, u “Ġesù jaqbad dan l-eżempju biex jgħidilna li ta’ din id-dinja kollu jgħaddi”, qal l-Isqof.
Imma fl-istess waqt, fakkar l-Isqof ta’ Għawdex, Ġesù jkompli jgħidilna li dawk li jgħixu bit-tama, ma jitqarrqux. U “t-tama hi meta aħna nimxu lejn xi ħadd, li huwa Kristu”, fejn, kif qalilna hu stess, għalkemm se nkunu ftit u nsibu min jidħak bina, dawk li jipperseveraw, isalvaw.
Matul dawn is-snin kollha f’idejn il-Ġiżwiti, “din id-Dar tant ħaddmet dawn l-atteġġjamenti profondi”, qal l-Isqof, fid-dawl tal-kariżma tagħhom tad-dixxerniment, fejn l-importanti hu li “ngħarblu dak li jixtieq Alla”.
Waqt l-istess omelija l-Isqof Teuma tkellem ukoll dwar il-festi f’Għawdex. Qal li “F’Għawdex tagħna l-festi u x-xejxi dejjem jiżdiedu u jikbru. Dalwaqt inkopru t-toroq kollha ta’ Għawdex u nagħmlu toroq fil-baħar biex narmawhom ukoll! Għalkemm dan hu importanti, imma mbagħad qed nitilfu l-essenzjal!”, tenna l-Isqof.
L-Isqof ta’ Għawdex filwaqt li radd ħajr lill-Provinċjal li ħass l-importanza ta’ dan il-mument u ġie mill-Italja għal din “il-konsenja, mhux tant tal-bini, imma tal-esperjenza”, qal li Dar Manresa se tibqa’ tintuża għall-Irtiri.

