Sunday, December 22, 2024

Il-Glazers ineħħu lill-club ta’ Manchester United minn fuq is-suq … iridu £10 biljun

Aqra wkoll

Skond rapporti fil-media Ingliża, il-bejgħ ta’ Manchester United waqaf għa kollox mis-sidien, il-familja Glazers, fejn qed jingħad li jridu sa £10 biljun biex jitilqu mill-club tal-Premier League.

L-aħwa Amerikani se jneħħu lil Manchester United mis-suq sakemm jirċievu din is-somma stratosferika. 

Il-Glazers kienu qed jilqgħu offerti f’Novembru tas-sena li għaddiet fejn il-partitarji bdew jittamaw li r-renju tagħhom,  li issa ilu 18-il sena,  kien fil-qrib.

Iżda qed iduru mill-pożizzjoni tal-bejgħ tagħhom u minflok se jżommu sakemm ikunu jistgħu jiksbu offerta eqreb il-prezz mitlub tagħhom ta‘ £10 biljun.

Huwa mifhum li se jistennew sal-2025 qabel ma jerġgħu jpoġġu lill-club għall-bejgħ bit-tama li jiġu attirati aktar konsorzji ta’ negozjanti biex fl-istess waqt issir battalja għall-offerti.

Fit-taqtiegħa ta’ bħalissa, kien hemm żewġ offerenti li kienu qed “jissieltu” bejniethom biex jieħdu f’idejhom Old Trafford  – il-bankier biljunarju Qatari Sheikh Jassim u l-aktar raġel sinjur Brittaniku Sir Jim Ratcliffe.

It-tnejn tgħaddew minn bosta rounds ta’ offerti u nżammu fil-biċċa l-kbira fid-dlam matul il-proċess kollu, li ġie mmaniġġjat mill-bank merkantili globali, il-Grupp Raine.

Ix-xahar li għadda deher li x-Sheikh kien se jirbaħ bl-offerta tiegħu ta’ £6 biljun biex jixtri kompletament lill-Glazers u jikklerja d-djun tal-United, li huma maħsuba li huma ta’ madwar £535 miljun.

Iżda segwew aktar ġimgħat ta’ silenzju. Dan l-aħħar aġġornament se jkun daqqa ta’ ħarta kbira għall-partitarji tal-United wara protesti kontinwi kontra s-sidien attwali tagħhom matul is-snin, inkluż dak f’Old Trafford wara r-rebħa tagħhom ta’ 3-2 fuq Nottingham Forest fi tmiem il-ġimgħa li għadda.

Il-Glazers xtraw il-club bla dejn għal £790 miljun, fl-2005, iżda minn dak iż-żmien huma ħadu xejn inqas minn £1.1 biljuni fil-but. 

Huma jittamaw li fatturi “finanzjarji u ambjentali” jistgħu jattiraw aktar offerenti fi żmien sentejn u jqisu li jistgħu jispiċċaw jiksbu s-somma bejn £8 biljun u £10 biljun.

Ekonomija

Sport