Saturday, November 23, 2024

Il-ġlied fil-PN ikompli joħroġ fid-deher; Jason Azzopardi b’libell lil Ċensu l-Iswed

Aqra wkoll

Il-ġlied intern fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kulma jmur qed joħroġ aktar fid-deher. Dan hekk kif id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fetaħ libell lil Vincent Borg, magħruf bħala “Ċensu l-Iswed”. Borg huwa attivist magħruf tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.

Azzopardi fetaħ il-libell dwar “qlajjiet difamatorji” fil-konfront tiegħu li saru minn Borg fuq il-midja soċjali.

Borg kien għamel allegazzjonijiet dwar il-ħajja privata ta’ Azzopardi . Huwa aktar tard neħħa kull referenza għal Azzopardi. Fil-kumment tiegħu huwa appella lill-avukat Bernard Grech, li huwa wieħed mill-persuni li mistenni jitfa’ l-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, biex ma jingħaqadx mal-“grupp ribelli” li ġiegħlet lil Delia jidħol f’tiġrija għat-tmexxija tal-Partit.

Intant fuq il-midja soċjali Azzopardi qal li Borg kiteb il-kumment fuq il-midja soċjali “bl-approvazzjoni taċita tat-tmexxija preżenti tal-Partit Nazzjonalista, b’gideb infami u faħxi kontrija, apparti fuq terzi wkoll”.

Saħansitra qal ukoll li kieku għadu jeżisti r-reat ta’ malafama kien anke jitlob li jittieħdu passi kriminali fil-konfront ta’ Borg.

Fil-kumment tiegħu Azzopardi aċċenna għal pjan djaboliku kontrih minn xibka ta’ kriminali li huma preżenti wkoll fil-Partit Nazzjonalista.

Huwa temm il-kumment tiegħu billi qal li fl-eventwalità li jirbaħ il-proċeduri ta’ libell fil-konfront ta’ Borg se jkun qed jagħti d-danni li jirbaħ lil Puttinu Cares u lid-Dar tal-Providenza.

Sport