Sunday, November 24, 2024

IL-ĠLIEDA KONTA R-RAZZIŻMU ISTITUZZJONALIZZAT

Aqra wkoll

Kultant il-kelma razziżmu tispiċċa fuq l-aġenda. Nibdew nisimgħu ta’ spiss u b’mod kontinwu, sakemm imbagħad wara flit kollox jieqaf u kollox jintesa. Dikjarazzjonijiet dwar il-ġlieda kontra ir-razziżmu smajna ħafna. Il-ħasra hi li jibqgħu biss dikjarazzjonijiet.
Tisma’ kif irridu niġġildulu, Imma fir-realtà x’qed nagħmlu? X’qed isir jekk qed isir xi ħaġa? Fl-iskejjel tagħna tagħna kif qegħdin nitrattaw dan il-fenomenu? F’istituzzjonijiet bħal Korp tal-Pulizija u l-Armata kif qiegħed ikun trattat ir-razziżmu, jekk qegħdin nitrattawh.

Minkejja dak li jingħad, minkejja id-dikjarazzjonijiet sbieħ, hu fatt li r-razziżmu f’Malta qiegħed ikomplu jerfa’ rasu. Il-preġudizzji u l-isterjotipi jibqgħu għaddejjin. Jibqgħu jiżdiedu. Min suppost jiġġieldilhom xi drabi narawh saħansitra jsaħħaħ dawn l-istess preġudizzji u sterjotipi.

X’għandna fis-soċjetà tagħna? B’mod kontinwu nibqgħu naraw kliem ta’ mibegħda. Aġġettivi mill-aktar dispreġjattivi. Saħanistra insibuhom miktubin bla mistħija u bla biża’ ta’ xejn.

Imma agħar minn hekk. Hemm razziżmu li jidher li ma rridux nitkellmu dwaru. Intuh dejjem il-ġenb. Qiegħed hemm. Qegħdin nirreferu għar-razziżmu istituzzjonalizzat. Il-forzi tal-ordni spiss tarahom imorru l-ewwel fuq persuni ta’ kulur jew persuni barranin fejn jidħol infurzar. Il-famuż kunċett ta’ ‘Black is Bad’ hu dominanti f’pajjiżna.

Tkun f’ristorant u jkun hemm familja Afrikana bi tfal tagħhom. Imorru jpoġġu ma’ mejda u fil-mejda ta’ maġenbhom familja Ewropea. Iħarsu biċ-ċiera għax poġġew. Iqumu u jmorru fin-naħa l-oħra tar-ristorant.

Persuna Afrikana tmur biex tinqeda f’xi post partikolari imma jħalluha tistenna. Jinġabru xi grupp ta’ persuni Afrikani f’post u naraw kif nagħmlu xi ħaġa biex ma joqogħdux hemm. Li kieku dawn kienu Żvediżi, Taljani, ma konniex nagħmlu per eżempju strutturi biex dawn il-persuni ma joqogħdux f’dak il-post partikolari. Għamilha hekk għax Afrikani.

Persona Afrikana kwalifikata għal xogħol partikolari, kapaċi twettqu u tkun suċċess, imma tinqabeż kull darba li tagħmel intervista. Forsi spiss tinżerta lil xi ħadd Afrikan quddiemek, jixtri xi ħaġa, imma min jaqdieh, ma tantx jieħdu bil-ħlewwa. Anzi jieħdu bil-herra. Imbagħad f’sezzjonijiet oħra nuru l-immaġini tal-faqar u għal dan nuru nies jew tfal Afrikani. Qisu l-faqar hemm biss jeżisti. Spiss ukoll, naraw li nies li jittellgħu l-Qorti akkużati b’xi każ u ssir enfasi kbira li dawn ikunu Afrikani. Riċentament qed f’uffiċċju u tara persuna Afrikana taħdem ma’ kollegi oħra. Jiġu n-nies jinqdew imma ħadd ma jsaqsi lill-persuna Afrikana imma lill-persuni bojod. F’Tal-Linja, persuna Afrikana b’sit vojt ħdejh ikun l-aħħar li jimtela’. Fis-soċjetà tagħna b’mod regoli qegħdin inkomplu inwaħħlu tabelli ma’ dawn in-nies.

Dan hu r-razziżmu istituzzjonalizzat li hawn fostna. Razziżmu li ma rridux nitkellmu dwaru. Inħalluh għaddej qisu xejn mhu xejn. Fl-iskejjel ukoll naraw lil dawn it-tfal imwarrbin minn xi wħud. Kellna każi fejn ma’ l-iċken żball li jagħmel tifel Afrkan, dan ikun enfasizzat. Grupp ta’ tfal jiġu kkoreġuti għax m’obdewx, imma l-enfasi tkun fuq dawk li huma barranin.

U dan fejn qed iwassalna? Qed iwassalna għal aktar diskriminazzjoni fost minoritajiet. Nemmnu li pajjiżna għandu jitratta ir-razziżmu istituzzjonalizzat. Razziżmu li ma jagħmel xejn ħlief joħloq tbatija żejda.

Ir-razziżmu u r-razziżmu istituzzjonalizzat mhux problema ta’ dawk li jsofru minnu biss. Hu problema ta’ kulħadd. Nemmnu li dan għandu jkun trattat. Mhux f’pajjiżna biss imma anki fuq livell Ewropew. Nemmu li ħadd m’għandu jgħaddi minn din it-tip ta’ diskriminazzjoni, ibbażata fuq il-kulur tal-ġilda u mill-etniċità tiegħu.

Ħadd m’għandu jkun imċaħħad milli juru l-abbiltajiet tiegħu jew ma jingħatawx ċans li juru x’kapaċi jagħmlu sempliċiment minħabba l-kulur tal-ġilda.

Nemmnu li r-razziżmu istituzzjonalizzat hu aktar diffiċli biex titrattah. Qiegħed magħġun fis-soċjetà tagħna. Dan hu razziżmu sistematiku. Razziżmu li hu parti minn norma. Ħafna nies lanqas biss tgħaddi minn moħħhom li dan hu razziżmu. Dan daħal u hu magħġun fis-soċjetà u fl-organizazzjonijiet li sar ħaġa normali. U waqt li għandna din is-sitwazzjoni, fis-soċjetà tagħna tibqa’ tinħoloq id-diskriminazzjoni f’dik li hi ġustizzja, impjiegi, akkomodazzjoni soċjali, saħħa, edukazzjoni u oqsma oħra.

Sport