Wednesday, July 24, 2024

IL-ĠLIEDA KONTINWA KONTRA L-INUGWALJANZA SOĊJALI

Aqra wkoll

Fatt li qegħdin narawh iseħħ madwarna fl-Ewropa hu dak li qegħdin naraw l-inugwaljanza tiżdied. Minkejja dikjarazzjonijiet u minkejja ħidma ma’ taqta xejn, qegħdin nibqgħu naraw li d-differenza bejn dawk ta’ fuq u dawk ta’ taħt, mhix tonqos imma qiegħda tiżdied.  M’hemm ebda dubju li l-pandemija li ffaċċjajna, ikkontribwixxiet sew għal dan. Apparti dan l-inflazzjoni li rajniha f’livelli għolja għal dawn l-aħħar sentejn kompliet tikkontribwixxi għal dan ukoll.  Jekk nieħdu per eżempju l-Ewropa, naraw li l-ammont ta’ nies li qegħdin jiġu affettwati mill-prezzijiet tal-enerġija għax mhux ilaħħqu magħhom spaar minn 34 miljun għal madwar 80 miljun.

Jekk nieħdu l-pajjiżna narra li mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘lhawn, f’pajjiżna kien hawn ħidma ma taqta xejn biex twaqqfu u ssaħħew is-servizzi soċjali, is-social welfare, l-għajnuna għall-fqir u l-batut, is-servizzi tas-saħħa b’xejn, u l-edukazzjoni bla ħlas.  Dawn isir għal ġid komuni u minnu jgawdu l-aktar dawk li jkunu f’pożizzjonijiet vulnerabbli.

Biss wieħed ma jistax ma jirrimarkax li fid-dinja li qegħdin ngħixu llum, bl-isfidi kontinwi u li jinbidlu kontinwament – kultant lanqas tlaħħaq magħhom, l-inugwaljanza soċjali tibqa’ sfida. U fid-dinja mgħaġġla ta’ llum faċli ħafna li  kategorja jew kategorji vulnerabbli jibqgħu neżlin ‘l isfel.

Minkejja progress sinifikanti li sar, għadna maqbudin f’realtà fejn inugwaljanzi vasti jippersistu—mhux biss fost individwi, iżda fost nazzjonijiet li qed jissieltu mal-impatti li ħalliet il-pandemija tal-COVID-19. Għandek pajjiżi oħra qegħdin jiġġieldu l-effetti qawwija tat-tibdil fil-klima, kunflitti fi gwerer kontinwi, u żieda fl-ispiża tal-għixien. Id-differenza fil-ġid llum tidher aktar minn qatt qabel. Għandna realtà iebsa fejn l-aktar 10 fil-mija tan-nies sinjuri tal-popolazzjoni globali jippossjedu 76 fil-mija tat-total tal-ġid. Dan ifisser li 10 fil-mija tal-popolazzjoni għandhom bejniethom tlett kwarti tal-ġid tad-dinja.

Ma’ dan imbagħad għandek 50 fil-mija tal-popolazzjoni dinjira li jridu jgħaddu biss bi 8 fil-mija tal-ġid totali. Inugwaljanza xokkanti. Inugwaljanza li turik li sistema kapitalista qieghda hemm biex taghti l-loqom lil dawk li jaqilghu u jikluha waqt li s-sinjuri jkomplu jistagħnew fosthom bl-operat ta’ korporazzjonijiet kbar li jikkontrollaw is-swieq.

Din il-ġerħa soċjali, qiegħda dejjem tikber bejn l-għonja u l-fqar mhix biss kwistjoni ta’ inugwaljanza finanzjarja, iżda hija wkoll is-sors ta’ skuntentizza soċjali li qed teqred il-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi tagħna. Qiegħda ukoll  iddgħajjef il-pilastri tal-governanza demokratika. Qiegħda toħloq polariżżazzjoni politika. Imma mhux biss. Din hi sitwazzjoni li qed terħa tqajjem in-nazzjonaliżmu populista. Qed tqajjem l-estremiżmu.

U f’soċjetà fejn l-ewwel jien, it-tieni jien u t-tielet jien, il-ġlieda kontra l-inugwaljanza issir dejjem aktar diffiċli. Is-solidarjetà, li tant hi importanti bier niġġieldu l-inugwaljanza soċjali qiegħda dejjem tgħib bil-mod il-mod. Mhux biss imma llum saħansitra nisimgħu politiċi jitkellmu kontra persuni jew gruppi vulnerabbli. Faċilment wieħed jista’ jieħu ir-retorika li nisimgħu minn politiċi fejn jirrigwarda l-immigranti jew barranin, retorika li ma tagħmel xejn għajr iżżid il-preġudizzji, toħloq l-isterjotipi u fuq kollox iżżid l-estremiżmu.

Biex ikollok prosperità kollettiva fis-soċjetà hemm bżonn li jissaħħu u jintrefgħu ‘lfuq dawk li qegħdin jaqilgħu l-inqas.  Mhux biss imma nistgħux noqogħdu nagħmlu differenza bejn razza jew oħra, bejn x’reliġjon iħaddnu fejn tidħol il-parteċipazzjoni sħiħa fl-ekonomija. Hu b’dan il-mod li nistgħu verament naraw li nibdew nitrattaw lil dawk li qegħdin jaqgħu lura.

Ekonomija

Sport