Il-faqar u l-inugwaljanza huma piżijiet kbar fuq kwalunkwe soċjetà. Mhux biss jagħmlu ħsara lill-individwi affettwati direttament, imma jnaqqru wkoll mill-ġustizzja soċjali u mill-progress komuni. F’Malta, minkejja s-suċċess ekonomiku li rajna f’dawn l-aħħar snin, għad hemm nies li jgħixu f’kundizzjonijiet diffiċli jew ma jgawdux l-istess opportunitajiet bħal ħaddieħor.
Is-soċjetà tagħna għandha l-għażla: jew nagħlqu għajnejna għal din ir-realtà, jew nieħdu azzjoni konkreta u kuraġġuża biex ħadd ma jibqa’ lura. Il-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanza trid tkun prijorità għal kull min jemmen f’Malta aktar ġusta, aktar ġeneruża u b’soċjetà tassew inklussiva.
Ħadd ma għandu jaqa’ lura
L-ewwel prinċipju fundamentali li għandu jmexxi l-politika soċjali tagħna huwa wieħed sempliċi: ħadd ma għandu jaqa’ lura. Dan ifisser li l-istat għandu jkompli joffri s-sostenn meħtieġ lil kull min jaffaċċja diffikultajiet, kemm jekk minħabba telf ta’ xogħol, problemi fil-familja, mard jew ċirkustanzi oħra li jpoġġu persuna f’pożizzjoni ta’ vulnerabbiltà.
Għandna bżonn li listrutturi soċjali ezistenti jkomplu mhux biss joffru għajnuna finanzjarja temporanja, iżda li wkoll joffru triq ‘il quddiem. Jekk ngħinu lill-persuni f’diffikultà b’mod li jagħtihom dinjità u tama, inkunu qed nibnu soċjetà fejn kulħadd jista’ jgħix b’ċerta stabbiltà u rispett.
Dan jista’ jseħħ meta nkunu lesti niddjalogaw man-nies milquta, nisimgħu leħinhom u noħolqu politika li ma tkunx mibnija minn fuq għal isfel, imma minn ġewwa s-soċjetà stess.
Edukazzjoni u Impjieg: Żewġ Ċwievet għall-Ħelsien Soċjali
Jekk irridu niżguraw li l-faqar ma jiġix trasmess minn ġenerazzjoni għal oħra, għandna nkomplu nħarsu lejn l–edukazzjoni u l-impjiegi bħala żewġ għodod essenzjali fil-ġlieda kontra l-inugwaljanza.
Persuni li jħossuhom esklużi mis-suq tax-xogħol, speċjalment dawk bi ftit kwalifiki, għandhom ikomplu jinghataw l-opportunità biex jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol permezz ta’ taħriġ, skemi ta’ apprentistat u inizjattivi li jallinjaw il-ħiliet tagħhom mal-bżonnijiet tal-ekonomija moderna.
L-edukazzjoni, min-naħa l-oħra, trid tiġi mġedda b’mod li tgħin lit-tfal u ż-żgħażagħ jittrasformaw il-futur tagħhom. Tfal minn sfondi diffiċli m’għandhomx jiġu penalizzati għal xi ħaġa li mhix tort tagħhom. Huwa hemm fejn irid jidħol l-istat u joffri tarka.
Servizzi Soċjali li Jirrispettaw id-Dinjità
Il-mizuri socjali m’għandhomx jiġu trattati bħala karita’ jew donazzjoni, imma bħala drittijiet bażiċi ta’ kull ċittadin. Jekk persuna titlob l-għajnuna tal-istat, għandha tingħata din l-għajnuna b’rispett u b’serjetà.
Għalhekk, hemm bżonn ta’ aktar investiment fis-servizzi soċjali, mhux biss fl-ammont ta’ benefiċċji imma wkoll fl-kwalità tas-servizz. L-assistenti soċjali, il-ħaddiema fil-komunità jridu jkunu jistgħu jagħmlu xogħolhom b’mod effettiv u b’dedikazzjoni.
Il-Faqar mhux biss Numru – huwa Esperjenza Umana
Wieħed mill-akbar żbalji li jista jsir fil-politika hu li nħarsu lejn il-faqar bħala numru: persentaġġ, grafika, jew ċifra fuq rapport. Imma l-faqar hu esperjenza umana. Huwa ġenitur li ma jistax jixtri kotba għall-uliedu, mara li tmur torqod bil-ġuħ, raġel li jgħix f’garaxx mingħajr saqaf xieraq, zagħżugħ li jħossu eskluż mill-ħajja soċjali għax ma jistax iħallas għal affarijiet bażiċi.
Meta niftakru dan, il-mizuri tagħna jsiru aktar empatiċi u sensittivi. Il-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanza m’għandhiex tkun sempliċement parti minn manifest elettorali, trid tkun viżjonili tmexxi kull deċiżjoni politika tagħna. Biex naslu għal din il-viżjoni, irridu nibqgħu niddjalogaw, mhux għalina biss, imma għal kulħadd.
Soċjetà Ġusta tibda mill-Qalb
Għal Gvern li tassew jemmen fil-ġustizzja u d-dinjità umana, il-ġlieda kontra l-faqar m’għandhiex tkun problema li titħalla f’idejn karità jew NGOs biss. Għandha tkun prijorità nazzjonali, immexxija mill-istituzzjonijiet pubbliċi, bl-appoġġ tas-soċjetà ċivili kollha kemm hi.Sabiex niksbu din il-bidla irridu nahdmu lejn soċjetà fejn kulħadd għandu leħen, kulħadd għandu ċans, u kulħadd għandu ġieħ.