Il-Kunsill tal-Ewropa fi ftit żmien ieħor se jkun qiegħed jadotta linji gwida dwar il-qagħda tal-irġiel u s-subien fil-politika tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Dan bil-għan li tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa. Dawn il-linji gwida qed ikunu preparati mill-Kummissjoni dwar l-Ugwaljanza tal-Ġeneru biex isaħħu r-rwol tal-irġiel u s-subien fil-prevenzjoni tal-vjolenza kontra s-sess femminili.
Waqt seduta speċjali tal-Parlament, fost il-kelliema kien hemm Iris Laurasi, il-President tal-Grupp ta’ Esperti kontra l-Vjolenza kontra n-Nisa u l-Vjolenza Domestika fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa (GREVIO), li ħabbret dawn il-linji gwida li se jkunu adottati ma jdumx u ħeġġet lill-istati membri tal-Kunsill biex jadottaw fil-liġijiet tagħhom dawn il-linji gwida.
Laurasi tkellmet ukoll dwar il-Konvenzjoni ta’ Istanbul dwar il-Vjolenza kontra n-Nisa u l-vjolenza domestika li l-għan primarju tagħha huwa dak li tipprevjeni u tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa filwaqt li żżommhom siguri sabiex igawdu d-dritt li jgħixu ħajja mingħajr ebda vjolenza.
Hija spjegat li din il-Konvenzjoni tagħti wkoll lill-irġiel u s-subien irwol qawwi li jkunu aġenti tal-bidla. “Il-ġlieda kontra l-vjolenza ma tistax issir mingħajr l-involviment tal-irġiel u l-ġuvintur,” qalet Laurasi.
Sadanittant, fost ir-rakkomandazzjonijiet tagħha, il-GREVIO ġibdet l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li tiġi rikonoxxuta l-vjolenza kontra n-nisa fid-dimensjoni diġitali tagħha. Il-GREVIO fil-fatt ħeġġet lill-istati membri sabiex ikun hemm approċċ ħolistiku fir-rigward tal-vjolenza kontra n-nisa u l-abbuż imwettaq online jew permezz tat-teknoloġija.