Monday, October 20, 2025

IL-ĠLIEDA KONTRA T-TRAFFIKAR TAL-PERSUNI

Aqra wkoll

Is-Sibt li għadda, tfakkar il-Jum Ewropew kontra t-Traffikar tal-Persuni. Filwaqt li eluf ta’ vittmi tat-traffikar uman qed jiġu rreġistrati kull sena fl-Unjoni Ewropea, jirriżulta li hemm ħafna aktar każi li mhumiex jiġu rreġistrati.

Rapporti juri li l-parti l-kbira tal-vittmi huma ċittadini Ewropej li jisfaw vittmi ta’ forom differenti ta’ traffikar, bħall-isfruttament sesswali, l-isfruttament tax-xogħol u l-kriminalità furzata. 

Huwa għalhekk kruċjali li titqajjem kuxjenza fuq it-traffikar tal-bnedmin u fuq l-isfruttament tat-tfal, in-nisa u l-irġiel. Il-Jum Ewropew kontra t-Traffikar tal-Persuni jservi wkoll ta’ opportunità biex ikun hemm skambju ta’ informazzjoni, għarfien u l-aħjar prattiċi fost stakeholders differenti li jaħdmu f’dan il-qasam biex il-vittmi jkunu protetti aktar u fl-istess waqt tiġi indirizzata din il-problema globali. 

In-nies traffikati huma sfurzati jaħdmu, xogħol iebes jew prostituzzjoni, u ġeneralment jittiħdulom l-identità u d-dokumenti tagħhom u jiġu mwissija b’pieni terribbli jekk jaħarbu. Ħafna drabi dawn in-nies jispiċċaw f’pajjiżi mhux familjari għalihom, fejn ma jafux il-lingwa m’għandhomx mod kif jiksbu l-għajnuna.

Fuq livell lokali, il-Gvern Malti qiegħed jaħdem qatigħ biex isaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni. Filwaqt li nirrikonoxxu li żdiedu r-riżorsi u anke l-isforzi f’dan ir-rigward, il-Gvern nieda wkoll l-ewwel strateġija nazzjonali kontra t-traffikar tal-persuni. Dan immarka pass importanti fil-miżuri li qed tieħu Malta f’dan il-qasam peress li l-istrateġija tipprovdi għodod aktar effettivi għall-prevenzjoni, il-protezzjoni tal-vittmi u l-prosekuzzjoni tat-traffikanti.

F’dan l-ambitu wkoll, rapport ippubblikat dan l-aħħar mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan wera progress sinifikanti, inkluż tal-Korp tal-Pulizija, li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni. Dan il-progress kien jinkludi aktar prosekuzzjoni ta’ traffikanti – inklużi każi konġunti mar-reati finanzjarji, identifikazzjoni u iżjed għajnuna lill-vittmi u titjib fil-protezzjoni legali u fis-servizzi ta’ sostenn lill-vittmi. 

Dan l-aħħar ukoll ġie ssiġġillat ftehim bejn il-Gvern u l-Valletta Cruise Port li jipprovdi għal sħubija strateġika u għal koperazzjoni b’inizjattivi għal prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin.

B’dawn il-miżuri kollha flimkien ma’ inizjattivi oħra li diġà ttieħdu u li se jkunu qed jittieħdu fiż-żmien li ġej, il-Gvern qiegħed juri l-impenn sħiħ tiegħu li jkompli jsaħħaħ l-għarfien dwar is-sinjali ta’ twissija tat-traffikar tal-bnedmin u anke billi jtejjeb il-komunikazzjoni fost il-professjonisti.

Għalhekk, għandna għax nifhmu li se jissoktaw il-kampanji t’għarfien dwar forom varji ta’ traffikar uman bl-għan aħħari jkun dak li titqajjem kuxjenza akbar fuq dan is-suġġett.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport