Sunday, May 5, 2024

Il-Ġnien taċ-Ċiniżi qiegħed jiddeterjora

Il-Kunsill ta’ Santa Luċija jgħid li l-ispejjeż ta’ manuntenzjoni huma kbar wisq

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Ġnien taċ-Ċiniżi magħruf ukoll bħala l-Ġnien is-Serenità f’Santa Luċija ngħata lil pajjiżna bħala rigal mir-Repubblika Ċiniża u fetaħ nhar is-7 ta’ Lulju, 1997. Dan il-ġnien pubbliku sabiħ kien għaxqa tarah iżda maż-żmien, bħal kull struttura oħra, beda jiddeterjora. Minn ilmenti u ritratti li waslulna, dan il-ġnien għandu bżonn xogħol ta’ tindif u ta’ manutenzjoni. Minkejja li huwa devolut lill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija, is-Sindku ta’ din il-lokalità, Chairmaine St John, infurmatna li l-ispejjeż ta’ manutenzjoni fih huma kbar wisq.

“Il-Kunsill jieħu ħsieb jagħmel interventi żgħar filwaqt li l-proġetti l-kbar jidħol għalihom il-Gvern Ċentrali. Minn żmien għal żmien nirċievu wkoll għajnuna mill-Ambaxxata Ċiniża f’Malta,” spjegat St John.

Hija qaltilna li preżentament il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar qiegħed jaħdem fuq il-funtana l-kbira mentri l-funtana ż-żgħira saret xi xhur ilu. Sadanittant il-Kunsill qiegħed iġib stimi ta’ xogħol biex tinbidel is-sistema tal-elettriku fil-post, kif ukoll is-sistema tas-CCTV. St John żiedet tgħid ukoll li fil-ġejjieni għandu jsir intervent fuq l-aperturi tat-tliet strutturi li hemm f’dan il-ġnien.

Dan is-sit ikkuntatja lill-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar bil-għan li naraw x-xogħol għaddej u x’inhuwa ppjanat min-naħa tagħhom. Il-kelliema tal-ministeru infurmatna li l-Ġnien taċ-Ċiniżi ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fejn żiedet tgħid li, “minkejja dan, id-Dipartiment xorta waħda se jkun qiegħed jgħin biex isiru l-interventi meħtieġa ħalli tissewwa l-ħsara eżistenti”.

Sport