Ivan Provedel sar it-tielet goalkeeper fl-istorja taċ-Champions League li sab ix-xibka avversarja, hekk kif kiseb id-draw ta’ 1-1, proprju fis-96 minuta kontra Atletico Madrid
Il-goalkeeper telaq minn postu biex jgħin lil sħabu meta kien se jingħata corner proprju fl-aħħar azzjoni tal-partita.
Huwa għamel id-differenza, hekk kif daħal għal cross ta’ Luis Alberto u Provedel sammar il-ballun fix-xibka permezz ta’ daqqa ta’ ras b’saħħitha biex għeleb il-kontroparti tiegħu, Jan Oblak.
Qabel Provedel, l-uniċi goalkeepers li skorjaw fiċ-Champions League kienu Vincent Enyeama f’Settembru tal-2010 u Sinan Bolat f’Diċembru tal-2009.
Goalkeeper Taljan kien skorja wkoll f’kompetizzjoni differenti tal-UEFA, speċifikament Marco Amelia fid-draw ta’ 1-1 ta’ Livorno kontra Partizan Belgrade, fit-Tazza UEFA 2006-07.
Madankollu, m’hu xejn ġdid għal Provedel, għax kien sab ix-xibka wkoll fis-Serie B meta kiseb draw ta’ 2-2 bejn Ascoli u Juve Stabia fi Frar tal-2020.