Minn Cristian Muscat
Kif iddeċidejt li ssir fiżjo-terapista?
Minn dejjem kien jaffaxxinani l-mod kif jaħdem il-ġisem u il-bijoloġija kien suġġett għal qalbi. Li tkun f’kuntatt man-nies u tgħin fil-kura tal-marid kienet xi ħaġa li tolqotni. Jien kont diġá attiva ħafna fil-volontarjat u li tgħin u tagħti servizz, kien parti mill-formazzjoni tiegħi. Għażilt il-professjoni tal-fiżjo-terapija għax meta dhalt fil-kors fl-1998 kien hawn biss xi mitt fiżjo-terapista f’Malta, allura prospetti għal xogħol stabbilt kien ikbar minn kors ieħor u l-ħinjiet tax-xogħol kienu ‘family friendly’ speċjalment fiċ-ċirkostanzi familjari li kont fihom.
U li tispeċjalizza fl-isport?
Proprjament f’Malta l-ispeċjalizzjonijiet tal-‘Allied health professions’ għadhom mhux rikonoxxuti imma jien primarjament bqajt inżid it-tagħlim u studju tiegħi u naħdem fil-qasam ta’ dak li jissejjaħ Musculosketal Medicine, fejn fiha torbot kemm il-mediċina sportiva u kemm l-ortopedija. Fil-fatt dan ilu x-xogħol primarju tiegħi għal dawn l-aħħar 18 il-sena (l-ewwel ħames snin kienu rotazzjonijiet fi sptarjiet u kliniċi differenti fil-qasam tas-saħħa). Illum il-ġurnata jien għandi l-klinika tiegħi fejn noffru servizz multi-dixxiplinarju minn professjonisti differenti. Issa d-dinja tal-isport ġiet qabel għaliex meta kont studenta l-Junior College u fis-snin tal-Universitá jien kont nilgħab il-futbol mat-tfajliet ta’ Mosta FC u għalhekk b’mod naturali kienu jistaqsuni fuq injuries, daqqiet u uġigħat. Iktar tard bdejt nagħmel xogħol ta’ fiżjo-terapista, fis-Servizz Pubbliku, ma’ SportMalta, Inspire u anke mal-MFA u l-Malta Rugby Football Union , u b’hekk iddeċidejt li niffoka iżjed fuq dan il-qasam fejn anke komplejt bil-Masters ġewwa l-Universitá ta’ Bath fl-Ingilterra fil-Mediċina Sportiva.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala fiżjo-terapista ma’ Sirens FC u l-Malta Rugby Football Union (MRFU).
Ilni naħdem mal-MRFU għal ftit snin mhux ħażin. Għall-bidu kont nagħmel xogħol pitch side biss, jiġifieri nassisti l-plejers waqt il-ħin tal-logħob, għall-injuries li jinqalgħu dak il-ħin, imbagħad għal dawn l-aħħar snin, ħadt rwol iżjed kumpless fejn barra r-rwol kliniku ta’ fiżjo-terapista, nieħu ħsieb ukoll il-branka tal-qasam mediku tal-plejers – bħala Head of Medical. Jien u kollega ieħor qegħdin World Rugby Educators, fejn ukoll naraw li nżommu l-istandards tal-World Rugby fejn jidħol player welfare għal-livel tar-rugby lokali – nedukaw lill- plejers, kowċis u kull min hu involut fil-komunitá tar-rugby permezz ta’ korsijiet apposta, naraw li nkunu ta’ sapport u referenza għat-timjiet lokali, nikkoordina rosters tal- fiżjo-terapisti / medics pitch side – (Aħna qegħdin tim ta’ sitta) tal-logħob kollu tal-istaġun u naraw li nikkomunikaw bejn it-tim kollu meta jkun hemm xi injuries partikolari, eżempju xi concussion u nkomplu nsegwu il-‘pathway of care’ ta’ dak il-plejer, sakemm ikun tajjeb biex jirritorna għat-taħriġ, naraw li t-team managers jew il-kowċis ukoll jkunu involuti. Naraw x’apparat mediku jkun hemm bżonn u materjal ieħor kif ukoll nieħdu ħsieb lit-timjiet nazzjonali tan-nisa u l-irġiel, nipprovdu l-kura meħtieġa kemm waqt il-logħob tat-tim nazzjonali u anke matul l-istaġun sportiv kemm fejn jidħlu kura u rijabilitazzjoni ta’ injuries li jinqalgħu u anke bħala prevenzjoni bħal screening / testing u nikkomunikaw mal-istaff tekniku rispettivament. Dan kollu sforz it-tim ta’ nies li għandi pjaċir naħdem magħhom għax jirrikjedi ħafna komunikazjoni, kordinazzjoni u pjan, peressli dan huwa xogħol ta’ part-time u għalhekk il-ftit mill-ħafna jwassal għal ħafna ħidma xorta waħda.
Ir-rwol tiegħi ma’ Sirens FC huwa simili hafna – jien qiegħda bħala lead physio responsabbli għat-tim imma għandi kollega ieħor li naqsmu x-xogħol flimkien – nieħdu ħsieb dak kollu li l-plejers ikollhom bżonn minn aspett ta’ kura ta’ injuries, u kordinament, nikkuraw l-injuries kollha fi ħdan il-klinika tiegħi stess u nagħmlu ‘return to play protocols’ kemm fil-klinika kif ukoll fuq il-pitch. Meta jkollna bżonn nirreferu xi plejers għal xi opinjoni medika oħra jew investigazzjonijiet oħra, nikkordinaw dan mal-aħjar professjonist fiċ-ċirkostanzi, ta’ dik l-injury, ġieli wkoll nakkumpanjawhom speċjalement meta jkunu barranin u mhux midħla tas-sistema tas-saħħa tagħna.
Kemm huwa importanti x-xogħol ta’ fiżjo-terapista biex jipprevjeni injuries fl-isport?
Jien nemmen li kull rwol huwa importanti, għax b’hekk tagħti sfera differenti għal x’inhu kapaċi jagħmel il-fiżjo-terapista, peró, il-prevenzjoni ma tiddependix mill-fiżjo-terapista waħdu. Dan irid jiġi mis-set-up tal-klabb jew tim. Il-fiżjo-terapista jista’ jagħti rakkomandazzjonjiet, jista’ jagħmel ħafna testing u jlesti programmi ta’ prevenzjoni jew jaħdem mal-physical trainer coach, direttur tekniku eċċ, peró, jekk il-klabb jew il-kowċis m’ għandhomx il-kulturá jew is-set up se jkun diffiċli ħafna, saħansitra anke jaraw li dak ix-xogħol ma jkunx sar għalxejn, u għalhekk jrid jkun hemm pjan strutturat skont l-għanijiet u t-tragwardi ta’ dak it-tim partikolari.
Sfortunatament, hawn klabbs jew kowiċs li għadhom bil-mentalitá li għaxar minuti fuq couch se jwaslul għal prevenzjoni ta’ injuries, mhux il-każ, hemm xjenza iżjed wiesa’ u teknika u kulħadd jrid ikun fuq l-istess paġna inkella ma tasalx. Illum il-ġurnata ix-xjenza sportiva turina li hemm ħafna fatturi li jikkontribwixxu għall-injuries – l-iżjed important it-tip ta’ taħriġ, kif jitqassam it-taħriġ, il-pjan taċ-ċikli tat-taħriġ, kif taddatta l-load tul l-istaġun, għall-ħtiġijiet ta’ plejers differenti, speċjalament fejn ivarjaw fl-etá jew injuries fil-passat, kemm jingħata ħin għall-preparazzjoni ta’ conditioning, it-tip ta’ nutrizzjoni li wieħed qed jiekol, l-irqad, ir-recovery addattata, is-saħħa mentali u stress kemm fil-ħajja privata kif ukoll forsi fuq il-post tax-xogħol eċċ. Naf li mhux dejjem faċli taħdem b’ħin u limitazzjonijiet finanzjarji peró ċerti sistemi jew prattiċi xorta jistgħu jsiru mingħajr ħafna spejjeż u l-isforz irid jiġi kemm mill-atleta u anke mill-kumplament. Kultant il-fiżjo-terapista jaf isib ruħu bħala medjatur, kordinatur, jew negozjatur biex ikun jista’ jiffaċilita xi ħaġa simili. Għaldaqstant naraw li ħafna drabi iżjed faċli taħdem ma’ atleta indivdwali li jkun qed ifittex soluzzjoni għalih waħdu għax b’hekk timxi id f’id mentri ġo klabb hemm ħafna fatturi, sfidi u kultant ostakli.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna, u kif rajtha tinbidel tul is-snin?
JIen ilni kważi 30 sena involuta fl-isport. Inħoss li saret qabża li fejn qabel kien jitqies biss bħala passatemp jew żvog, issa hemm strutturi iżjed professjonali fejn anke jħarsu lejn tragwardi fit-tul, pjanijiet ibbażati fuq metrics xjentifiċi, għandna firxa iżjed wiesa’ ta’ sports organizattivi u infrastruttura iżjed b’saħħitha f’ċerti dixxiplini, imbagħad ċerti dixxiplini oħra għandhom bżonn iżjed għajnuna biex ikomplu jiżvillupaw il-ħiliet tagħhom anke għax ir-riżultati juru li hemm potenzjal ikbar minn forsi sport ieħor.
Fil-qasam tal-kowċing ukoll hemm iżjed taħriġ professjonali u għandna ħafna ħiliet u nies li baqgħu jistudjaw u jikkwalifkaw skont ir-rwol tagħhom. Li jħassibni ftit huwa li il-maġġoranza tal-għaqdiet sportivi għadhom fuq bażi ta’ organizzazzjoni volontarja u llum il-ġurnata ix-xogħol amminstrattiv jitlob ħafna iżjed xogħol – kultant ta’ livell tekniku, ħin, spejjeż li anke trid tqabbad professjonijiet oħra u dawn l-organizzazzjonjiet biex jibqgħu ħajjin għandhom bzonn l-għajnuna biex b’hekk il-kulturá tal-isport tibqa’ tikber ukoll b’saħħitha bħalma qed tikber il-kulturá tal-fitness u l-gyms.
Minn aspett personali bħala fiżjo-terapista jien grata ħafna għall-fatt li dejjem sibt kowċis li rrispettawni u li emmnu fija u fid-determinazjoni tiegħi għax għall-bidu ma kienx faċli li taħdem f’dinja dominata mill-irġiel u kif gieli intqal f’oqsma ħhra, ġieli trid taħdem id-doppju biex tirbaħ ir-rispett. Sfortunatament, għad hemm nies li jekk ma jkunux jafuk xorta jaħsbuha darbtejn għall-fatt li tkun mara jew ma tkunx xi atleta prominenti u għalhekk nemmen li xorta trid tibqa’ tistinka, taħdem, titgħallem u tikber biex din il-mentalitá tispiċċa. Nemmen ukoll li għadna ma nagħtux biżżejjed rikonoxximent u rispett lejn l-esperjenza u anke l-‘expertise’ ta’ fiżjo-terapista wieħed minn ieħor jew professjonista wieħed minn ieħor. Imma fl-aħħar mill-aħħar, trid tibqa’ dejjem iffukat li tagħti servizz mill-aħjar lil hinn mill-isem, influwenzi jew saħħa fis-soċjetá.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq isir fiżjo-terapista bi speċjalizzazzjoni fl-isport.
Fil-veritá, l-ewwel trid tkun ċert li tixtieq issir fiżjo-terapista tal-bnedmin, jiġifieri trid tkun lest li xorta taħdem ma’ kull tip ta’ persuna, żgħir, kbir, anzjan, marid, muġugħ, b’diżabiltá jew le. Jekk m’hemmx umanitá u empatij, dan ix-xogħol ma jkunx jgħodd għalik anke jekk tkun tixtieq taħdem fl-isport. Xorta nirrakommanda li wieħed jaħdem fl-isptarjiet tagħna għal ċertu ammont ta’ snin għax aħna bħala professjonisti tas-saħħa Maltin, għandna vantaġġ li għandna sptar wieħed u sistema tas-saħħa waħda, li tiġbor fiha kollox u għalhekk minn hemm titgħallem tidentifika ċerti kundizjonijiet (anke fiż-żgħażagħ), titgħallem kif taħdem f’tim mediku kif ukoll titgħallem tagħraf kif taħdem is-sistema tas-sħħha f’Malta, li jiffaċilita x-xogħol l-ieħor. Ħadd ma jista’ jkun jaf x’opportunitajiet jinqalgħu peró sa issa mhux faċli taħdem fl-isport u ma’ atleti esklussivament u trid tkun preparat għal kull eventwalitá.
Issa fejn jidħol sport, wieħed irid ikun lest jaħdem sigħat twal, festi u Ħdud u jikkommetti ruħu għal staġun sħiħ għax huwa impenjattiv fejn forsi taf x’ħin tibda u ma tafx eżatt x’ħin tispiċċa. Importanti wkoll li wieħed ikun lest li jibqa’ jinvesti fit-tagħlim tiegħu, jistaqsi fejn isib diffikultá u mhux jgħaffeġ waħdu, jagħmel korsjiet kultant żmien, kemm lokalment u anke forsi barra minn Malta, għax taf kemm taf qatt mhu biżżejjed u l-affarajiet dejjem jinbidlu. Wieħed irid jibqa’ umli u kapaċi jirrispetta anke kollegi oħrajn. Bħala professjoni mhux dejjem tgawdi rispett li jixraqilha l-aspett finanzjaru taf tkun fit-triq tan-nofs, peró, il-gost ta’ din il-professjoni huwa l-vjaġġ ta’ kuljum li tgħin nies differenti fil-vjaġġ fiżiku tagħhom, fil-ħiliet ta’ komunikazjoni li titgħallem issaħħaħ u fil-ħbiberiji li tibni tul is-snin.